Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Trattat ta' Lisbona

It-Trattat ta' Lisbona li jemenda t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea kien iffirmat fil-kapitali Portugiża fit-13 ta' Diċembru 2007 mir-rappreżentanti tas-sebgħa u għoxrin Stat Membru. Hu daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009, wara li ġie ratifikat mill-Istati Membri kollha.

It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jinkludi dispożizzjoni li tippermetti reviżjoni tat-Trattati: l-Artikolu 48 jipprevedi li kull Stat Membru, il-Parlament Ewropew jew il-Kummissjoni jistgħu jissottomettu proposti lill-Kunsill biex jiġu emendati t-Trattati. Il-Kunsill jittrasmetti dawn il-proposti lill-Kunsill Ewropew u jiġu notifikati l-parlamenti nazzjonali; jekk il-Kunsill Ewropew jaqbel, il-President tal-Kunsill Ewropew isejjaħ Konvenzjoni magħmula minn rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern tal-Istati Membri, tal-Parlament Ewropew u tal-Kummissjoni. Il-Konvenzjoni teżamina l-proposti ta' reviżjoni u tadotta b'kunsens rakkomandazzjoni lil Konferenza Intergovernattiva (KIG), li tissejjaħ mill-President tal-Kunsill. Il-Kunsill Ewropew jista' wkoll jiddeċiedi b'maġġoranza sempliċi u wara l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, li ma jsejjaħx Konvenzjoni jekk dan ma jkunx ġustifikat mill-portata tal-modifiki. F'dan il-każ, il-Kunsill Ewropew jistabilixxi l-mandat għal KIG, li tissejjaħ wara mill-President tal-Kunsill. B'hekk, fi kwalunkwe ċirkostanza, tissejjaħ KIG magħmula mill-Istati Membri kollha (ippreċeduta jew le minn Konvenzjoni) u emenda tat-Trattati tkun dejjem teħtieġ ratifika mill-Istati Membri kollha konformement mar-regoli kostituzzjonali rispettivi tagħhom.

It-Trattat ta' Lisbona hu l-aħħar wieħed mit-Trattati li fil-passat emendaw it-Trattati li fuqhom kienu bbażati l-Komunitajiet u l-Unjoni Ewropea, bħall-Att Uniku Ewropew (1986), it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (Maastricht) (1992), it-Trattat ta' Amsterdam (1997) u t-Trattat ta' Nizza (2001).

Trattat ta' Lisbona (ĠU C 306 du 17.12.2007)





It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ġew konsolidati meta t-Trattat ta' Lisbona daħal fis-seħħ. L-aħħar verżjonijiet konsolidati ppubblikati jidhru fil-ĠU C 326 u C 327 tas-26 ta' Ottubru 2012.

Barra minn hekk, biex jinżamm kont tal-bidliet l-aktar riċenti, ċerti konsolidamenti ġodda li ma ġewx ippubblikati kienu saru wara l-pubblikazzjoni tal-ĠU C 327 u C 327 tas-26 ta' Ottubru 2012. Dawn il-verżjonijiet konsolidati ġew ippubblikati fuq is-sit elettroniku tagħna sabiex ikunu disponibbli l-aktar verżjonijiet aġġornati tat-trattati konsolidati.

Verżjonijiet konsolidati tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ippubblikati online fil-27 ta' Frar 2013) 

Dan id-dokument fih l-aħħar aġġornamenti li jieħdu kont tal-emenda magħmula bir-Regolament (UE, Euratom) nru 741/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Awwissu 2012 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu, kif ukoll l-emendi magħmula bid-Deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew 2010/718/UE tad-29 ta' Ottubru 2010 u 2012/419/UE tal-11 ta' Lulju 2012 li jimmodifikaw l-istatus fir-rigward tal-Unjoni Ewropea tal-gżira ta’ Saint-Barthélemy u tal-Majott rispettivament. 

Verżjoni konsolidata tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (ippubblikat online fil‑27 ta' Frar 2013) 

Dan id-dokument fih l-aħħar aġġornamenti li jieħdu kont tal-emenda magħmula bir-Regolament (UE, Euratom) nru 741/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Awwissu 2012 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu.


 

Nota ta' informazzjoni

Fid-dokument ta' hawn taħt jinsab sommarju qasir tal-bidliet ewlenin.

 

Skedi informattivi 

President tal-Kunsill Ewropew

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà / is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna