Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Konfigurazzjonijiet tal-Kunsill

Il-Kunsill tal-UE huwa entità legali waħda, iżda jiltaqa' f'10 'konfigurazzjonijiet' differenti, skont is-suġġett li qed jiġi diskuss:

 

Ma hemm ebda ġerarkija fost il-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, għalkemm il-Kunsill Affarijiet Ġenerali għandu rwol speċjali ta' koordinazzjoni u huwa responsabbili għall-materji istituzzjonali, amministrattivi u orizzontali. Il-Kunsill Affarijiet Barranin għandu wkoll mandat speċjali.

Peress li l-Kunsill huwa entità legali waħda, kwalunkwe mill-10 konfigurazzjonijiet tiegħu tista' tadotta att tal-Kunsill li jaqa' taħt il-mandat ta' konfigurazzjoni oħra. Għalhekk, ma' kwalunkwe att leġislattiv adottat mill-Kunsill ma ssir l-ebda referenza għall-konfigurazzjoni.

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Affarijiet Ġenerali (KAĠ)

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali jikkoordina t-tħejjijiet għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew (il-laqgħa tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-Istati Membri tal-UE). Il-kompitu tiegħu hu li jiżgura li l-ħidma tal-konfigurazzjonijiet diversi tal-Kunsill tkun konsistenti.

Barra minn dan, il-Kunsill Affarijiet Ġenerali jistabbilixxi l-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-UE (il-baġit fuq 7 snin tal-UE li jipprovdi finanzjament għall-programmi u l-attivitajiet kollha), jagħmel superviżjoni tal-proċess tat-tkabbir u n-negozjati tas-sħubija fl-UE, u jittratta kwistjonijiet relatati mal-istruttura istituzzjonali tal-UE.

Il-Kunsill Ewropew jista' wkoll iqabbad lill-Kunsill Affarijiet Ġenerali jittratta kwalunkwe kwistjoni oħra

 

Kif jaħdem il-Kunsill Affarijiet Ġenerali?

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali huwa magħmul prinċipalment mill-ministri tal-affarijiet Ewropej mill-Istati Membri kollha tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea hija normalment irrappreżentata mill-Kummissarju għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, skont il-materja diskussa.

Il-laqgħat tal-KAĠ isiru darba fix-xahar.

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Affarijiet Barranin (KAB)

Il-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB) huwa responsabbli għall-azzjoni esterna tal-UE, li tkopri firxa wiesgħa ta' kwistjonijiet, mill-politika barranija u d-difiża għall-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja. Huwa jiddefinixxi u jimplimenta l-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE li hija bbażata fuq il-linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew.

Il-kompitu ewlieni tal-KAB, flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u assistit mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, huwa li jiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-Unjoni.

Ir-Rappreżentant Għoli u l-Istati Membri jistgħu jippreżentaw proposti lill-KAB fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni. Il-Kummissjoni Ewropea tista' wkoll tippreżenta proposti konġunti mar-Rappreżentant Għoli fil-qasam tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni.

 

Kif jaħdem il-Kunsill Affarijiet Barranin?

Il-Kunsill Affarijiet Barranin huwa magħmul mill-ministri tal-affarijiet barranin mill-Istati Membri kollha tal-UE. Skont l-aġenda, il-Kunsill ilaqqa' wkoll:

  • il-ministri tad-difiża (Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni)
  • il-ministri tal-iżvilupp (kooperazzjoni għall-iżvilupp)
  • il-ministri tal-kummerċ (politika kummerċjali komuni)

 

Il-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin huma ppreseduti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, attwalment is-Sinjura Catherine Ashton.

Madankollu, meta l-Kunsill Affarijiet Barranin jiddiskuti kwistjonijiet ta' politika kummerċjali komuni, ikun ippresedut mir-rappreżentant tal-Istat Membru tal-UE li jkollu l-presidenza ta' sitt xhur tal-Kunsill.

Ir-Rappreżentant Għoli hu assistit mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Il-Kunsill Affarijiet Barranin jiltaqa' darba fix-xahar.

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin)

TIl-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji huwa responsabbli għall-politika tal-UE fi tliet oqsma prinċipali: kwistjonijiet ta' politika ekonomika, tassazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji.

Il-mandat tiegħu jinkludi wkoll il-kwistjonijiet legali u prattiċi fir-rigward tal-munita unika tal-UE - l-euro. Jikkoordina wkoll il-pożizzjonijiet tal-UE għal-laqgħat fil-livell internazzjonali, bħall-G20, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji, u huwa responsabbli mill-aspetti finanzjarji tan-negozjati internazzjonali dwar miżuri għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima.

 

Kif jaħdem l-Ecofin?

Il-Kunsill Ecofin huwa magħmul mill-ministri tal-ekonomija u l-finanzi tal-Istati Membri kollha. Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

Hemm ukoll sessjonijiet speċifiċi tal-Ecofin, li jkunu preżenti għalihom il-ministri għall-baġits nazzjonali u l-Kummissarju Ewropew għall-ipprogrammar finanzjarju u l-baġit, sabiex jitħejja l-baġit annwali tal-UE.

Il-laqgħat tal-Ecofin normalment isiru darba fix-xahar.

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI)

Il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni jiżviluppa politiki komuni u ta' kooperazzjoni dwar diversi kwistjonijiet transkonfinali bil-għan li tinħoloq żona ta' ġustizzja mifruxa mal-UE kollha.

Kwistjonijiet transkonfinali jinkludu l-garanzija tad-drittijiet fundamentali, il-moviment liberu taċ-ċittadini, il-protezzjoni ċivili, kwistjonijiet ta' asil u immigrazzjoni, investigazzjonijiet komuni ta' kriminalità organizzata transkonfinali, l-istrateġija ta' sigurtà tal-UE, inkluża l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata, iċ-ċiberkriminalità u r-radikalizzazzjoni vjolenti.

 

Kif jaħdem il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni?

Il-Kunsill ĠAI huwa magħmul mill-ministri tal-ġustizzja u affarijiet interni tal-Istati Membri kollha. Il-ministri tal-ġustizzja jittrattaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja kemm fil-liġi ċivili kif ukoll fil-liġi kriminali, filwaqt li l-ministri tal-affarijiet interni huma responsabbli, fost affarijiet oħra, għall-ġestjoni tal-fruntieri u l-kooperazzjoni tal-pulizija.

Il-Kunsill ĠAI normalment jiltaqa' kull xahrejn.

Id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx b'mod sħiħ fl-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri relatati mal-ġustizzja u l-affarijiet interni, jew il-parteċipazzjoni tagħhom hija soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet.

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Il-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO)

Il-Kunsill EPSCO jaħdem biex jiżdiedu l-livelli tal-impjieg u jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, sabiex jiżgura livell għoli ta' saħħa tal-bniedem u protezzjoni tal-konsumatur fl-UE.

Kif jaħdem il-Kunsill EPSCO?

Il-Kunsill EPSCO jlaqqa' flimkien il-ministri responsabbli għall-impjiegi, l-affarijiet soċjali, is-saħħa u l-politika dwar il-konsumatur mill-Istati Membri kollha tal-UE. Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

Normalment isiru 4 laqgħat tal-EPSCO fis-sena. Tnejn minn dawn il-laqgħat huma ġeneralment iddedikati esklużivament għal temi relatati mal-impjiegi u l-politika soċjali. 

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Kompetittività (COMPET)

Il-Kunsill Kompetittività jaħdem biex titjieb il-kompetittività u jiżdied it-tkabbir fl-UE. Huwa jittratta 4 oqsma ewlenin ta' politika: is-suq intern, l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-ispazju.

Kif jaħdem il-Kunsill Kompetittività?

Skont l-aġenda, il-Kunsill Kompetittività jlaqqa' flimkien il-ministri responsabbli għall-kummerċ, l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, l-ekonomija u l-ispazju mill-Istati Membri kollha. Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

Il-laqgħat isiru mill-anqas 4 darbiet fis-sena.

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (TTE)

Il-Kunsill TTE jaħdem għat-twettiq tal-objettivi tal-UE fl-oqsma tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija: biex jiġu stabbiliti swieq u infrastruttura moderni, kompetittivi u effiċjenti, u biex jinħolqu netwerks ta' trasport, komunikazzjoni u enerġija trans-Ewropej.

Kif jaħdem il-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija?

Il-kompożizzjoni tal-Kunsill TTE u l-għadd tal-laqgħat tiegħu jvarjaw skont il-punti fuq l-aġenda:

  • normalment il-ministri tat-trasport jiltaqgħu 4 darbiet fis-sena
  • il-ministri tal-enerġija jiltaqgħu 3 jew 4 darbiet fis-sena
  • il-ministri tat-telekomunikazzjoni jiltaqgħu darbtejn f'sena

 

Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Agrikoltura u Sajd (AGRIFISH)

Il-Kunsill Agrikoltura u Sajd jadotta leġislazzjoni f'għadd ta' oqsma relatati mal-produzzjoni tal-ikel, l-iżvilupp rurali u l-ġestjoni tas-sajd.

Kif jaħdem il-Kunsill Agrikoltura u Sajd?

Il-Kunsill AGRIFISH ilaqqa' flimkien ministri minn kull Stat Membru tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-Istati Membri huma rrappreżentati minn ministru wieħed għaż-żewġ setturi, għalkemm uħud jibagħtu żewġ ministri - wieħed għall-agrikoltura u ieħor għas-sajd.

Il-Kummissarju Ewropew għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jew il-Kummissarju Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd ukoll jieħu sehem fil-laqgħat.

Il-laqgħat normalment isiru darba fix-xahar.

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Ambjent (ENV)

Il-Kunsill Ambjent huwa responsabbli għall-politika tal-UE dwar l-ambjent, inkluż il-protezzjoni ambjentali, l-użu prudenti tar-riżorsi u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Huwa jittratta wkoll kwistjonijiet ambjentali internazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tat-tibdil fil-klima.

Kif jaħdem il-Kunsill Ambjent?

Il-Kunsill Ambjent huwa magħmul mill-ministri responsabbli għal kwistjonijiet relatati b'mod speċifiku mal-ambjent. Il-Kummissjoni Ewropea hija rrappreżentata fil-laqgħat kemm mill-Kummissarju għall-ambjent kif ukoll mill-Kummissarju għall-azzjoni klimatika.

Isiru madwar 4 laqgħat tal-Kunsill Ambjent fis-sena. 

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Kunsill Edukazzjoni, Żgħażagħ, Kultura u Sport (EYCS)

L-oqsma ta' politika koperti mill-Kunsill EYCS huma r-responsabbiltà tal-Istati Membri. Ir-rwol tal-UE fl-oqsma tal-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-isport huwa għalhekk biex jipprovdi qafas għall-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri, għall-iskambju ta' informazzjoni u esperjenza dwar oqsma ta' interess komuni.

F'ċerti każijiet, fejn jippermettu t-trattati, l-UE tista' wkoll tieħu azzjoni leġislattiva. Pereżempju, dwar materji awdjoviżivi u r-rikonoxximent reċiproku tad-diplomi.

Il-politika tal-edukazzjoni hija wkoll komponent ewlieni tal-istrateġija Ewropa 2020.

 

Kif jaħdem il-Kunsill EYCS?

Il-Kunsill EYCS huwa magħmul mill-ministri responsabbli għall-edukazzjoni, il-kultura, iż-żgħażagħ, il-mezzi ta' komunikazzjoni u l-isport mill-Istati Membri kollha tal-UE. Il-kompożizzjoni eżatta tal-Kunsill tiddependi mill-punti diskussi f'laqgħa partikolari.

Il-laqgħat tal-Kunsill ikun ukoll preżenti għalihom rappreżentant mill-Kummissjoni Ewropea - normalment il-Kummissarju għall-edukazzjoni, il-kultura, il-multilingwiżmu u ż-żgħażagħ.

Il-Kunsill EYCS jiltaqa' 3 jew 4 darbiet fis-sena; darbtejn fil-konfigurazzjoni sħiħa tiegħu. 

 

It-tarf ta’ fuq tal-paġna

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva    LE


X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?