Trattament aħjar għall-annimali


© Fotolia

18/06/2012

Fil-laqgħa tal-lum tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd, il-Ministri adottaw konklużjonijiet dwar il-protezzjoni u t-trattament xieraq tal-annimali. Dan huwa konformi mal-Artikolu 13 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li jiddikjara li, peress li l-annimali huma esseri senzjenti, l-UE u l-Istati Membri għandhom jagħtu attenzjoni sħiħa lill-protezzjoni tagħhom.

Il-Ministri qablu li l-ħidma futura dwar it-trattament xieraq tal-annimali għandha tkun ibbażata fuq approċċ ħolistiku u għarfu li "s-saħħa tal-annimali għandha impatt importanti fuq il-benessri tagħhom". Huma qalu li indikaturi bbażati fuq l-eżitu ma jistgħux jissostitwixxu dispożizzjonijiet speċifiċi bbażati fuq ir-riżorsi fil-każijiet kollha.

Waqt li enfasizzaw li jista' jkun siewi li l-qafas leġistlattiv attwali jiġi ssimplifikat sabiex jitnaqqas  ix-xogħol amministrattiv tal-operaturi u l-awtoritajiet, il-ministri qablu li ser ikollhom jiġu kkunsidrati mezzi ġodda biex tiżdied it-trasparenza u biex titjieb l-informazzjoni lill-konsumaturi. Madankollu, huma osservaw li dan ser jirrikjedi aktar mis-saħħa tal-konsumaturi biex l-annimali jiġu protetti, u li kemm il-miżuri leġislattivi kif ukoll dawk mhux leġislattivi biex jiġu stabbiliti rekwiżiti minimi bbażati fuq ix-xjenza jibqgħu indispensabbli. Fir-rigward tal-livell internazzjonali, il-Kummissjoni intalbet iżżid l-isforzi tagħha biex tiżgura kondizzjonijiet ekwivalenti għall-operaturi fl-UE u f'pajjiżi terzi.

Il-Ministri saħqu li l-Istati Membri għandhom ikunu kapaċi japplikaw "regoli nazzjonali speċifiċi bil-għan li tiġi żgurata protezzjoni tal-annimali aktar estensiva", dment li dawn ir-regoli jkunu kompatibbli mal-leġislazzjoni tal-UE u l-funzjonament normali tas-suq intern.

 

Links:
Konklużjonijiet tal-Kunsill
 (pdf)
Konferenza stampa
 (filmat f'diversi lingwi)
TV newsroom
(filmati)