Inkoraġġiment għar-riformi interni fiż-Żimbabwe


© Fotolia

Fit-22 ta' Frar il-Kunsill Affarijiet Barranin adotta konklużjonijiet dwar is-sitwazzjoni fiż-Żimbabwe u t-tiġdid tas-sanzjonijiet imposti mill-UE minħabba l-progress insuffiċjenti mill-pajjiż bir-riformi interni tiegħu.Dawn ir-restrizzjonijiet jistgħu jitneħħew biss b'reazzjoni għal passi konkreti fl-implimentazzjoni tal-ftehim ta' kondiviżjoni tal-poter għall-2008 magħruf bħala l-Ftehim Politiku Globali (GPA).

Il-miżuri restrittivi attwali ser idumu japplikaw sal-20 ta' Frar 2011.Huma jinkludu projbizzjoni fuq il-bejgħ ta' armi, l-iffriżar tal-assi u l-projbizzjoni tad-dħul f'xi Stat Membru tal-UE u t-transitu minnu ta' persuni li l-attivitajiet tagħhom serjament jimminaw id-demokrazija, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt fiż-Żimbabwe.Barra minn hekk, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp maż-Żimbabwe tal-UE hija sospiża għal sena oħra.

Il-Kunsill irrikonoxxa l-isforzi li għaddejjin tal-gvern tal-unità nazzjonali, iffurmat is-sena li għaddiet mill-President Mugabe u l-Prim Ministru Tsvangirai, biex jimplimenta l-GPA, partikolarment fl-ekonomija.Madankollu, huwa nnota bi tħassib in-nuqqas ta' progress fir-rigward tal-istat tad-dritt, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, ir-riformi kostituzzjonali, il-kondiviżjoni tal-poter b'kundizzjonijiet ugwali, ir-riforma fis-settur tas-sigurtà u l-protezzjoni tal-investituri.

Dawn is-sanzjonijiet mhumiex immirati lejn il-poplu taż-Żimbabwe.Fil-fatt, l-UE tibqa' l-akbar fornitur ta' assistenza lill-pajjiż, b'mod partikolari permezz tal-appoġġ tagħha għall-agrikoltura u s-sigurtà tal-ikel, is-setturi soċjali, l-edukazzjoni, u l-implimentazzjoni tal-GPA.Fl-2009, l-Unjoni ħallset EUR 274 miljun fiż-Żimbabwe.

Aktar informazzjoni:

Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar iż-Żimbabwe

Stqarrija tal-Istampa tal-Kunsill

Webcast tal-konferenza stampa tal-Kunsill


24/02/2010