Effiċjenza fl-enerġija:regoli li jorbtu u għażliet aktar intelliġenti


Tikketti tat-tajers

© Unjoni Ewropea

Regoli aktar stretti tal-UE se jagħmlu d-djar aktar effiċjenti fil-konsum tal-enerġija u jippermettu lill-konsumaturi jagħmlu għażliet intelliġenti li jipproteġu l-klima bis-saħħa ta' tikketti aktar ċari.Qbil dwar il-pakkett għall-effiċjenza fl-enerġija, milħuq mill-Kunsill u l-Parlament Ewropew, jibgħat messaġġ qawwi lin-negozjaturi dwar il-klima f'Kopenħagen.

Fil-preżent, il-bini hu responsabbli għal 40 % tal-konsum kollu tal-enerġija fl-Unjoni.Bid-direttiva l-ġdida, il-kostruzzjonijiet kollha ġodda mibnijin wara l-2020 iridu jikkonformaw ma' standards tal-enerġija ta' "kważi żero".Dawn se jikkunsmaw ammont minimu ta' enerġija, li fil-parti l-kbira se tiġi minn sorsi rinnovabbli.Is-settur pubbliku se jkollu jassumi rwol fuq quddiem, peress li l-bini pubbliku jrid jilħaq din il-mira qabel, sa tmiem l-2018.

Id-direttiva l-ġdida dwar it-tikketti tal-enerġija se twessa' l-kamp ta' applikazzjoni ta' dik li kien hemm qabel.L-aħdar skur u A se jkomplu jkunu l-ogħla kategoriji.F'każijiet fejn hemm maġġoranza ta' prodotti fis-suq li diġà huma fl-ogħla klassijiet, jistgħu jiżdiedu sa tliet gradi oħra, A+, A++ u A+++.Fil-futur, it-tikketta jkollha titwaħħal mhux biss mal-prodotti li jikkunsmaw l-enerġija iżda wkoll ma' kull prodott li jkollu impatt sinifikanti fuq l-iffrankar tal-enerġija, bħal pereżempju t-twieqi.Hawnhekk ukoll, is-settur pubbliku għandu jkun ta' eżempju, billi jakkwista biss prodotti mill-klassi bl-aħjar rendiment.

It-tielet parti tal-pakkett, waħda li diġà ġiet approvata formalment, hija regolament dwar it-tikkettar tat-tajers.Minn Novembru 2012, tajers ġodda jrid ikollhom magħhom informazzjoni dwar l-effiċjenza tal-fjuwil, il-qabda fuq l-imxarrab u l-livell tal-ħoss.

Il-ministri tal-enerġija tal-UE fil-laqgħa tal-Kunsill tas-7 ta' Diċembru ħadu nota tal-progress miksub fil-finalizzazzjoni tal-pakkett.L-adozzjoni tiegħu se jkollha tistenna sal-bidu tal-2010, minħabba emendi legali meħtieġa mit-Trattat ta' Lisbona.

Għal aktar tagħrif:

Stqarrija għall-istampa tal-Kunsill

Webcast ta' konferenza stampa tal-Kunsill

Dibattitu pubbliku tal-Kunsill

BUILD UP - Il-Portal Ewropew għall-Effiċjenza tal-Enerġija fil-Bini




09/12/2009