Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Il-Grupp tal-euro japprova l-pagament li jmiss lill-Greċja

Il-programm Grieg reġa' lura għal kif ippjanat, meta fis-26 ta' Novembru 2012 il-Grupp tal-euro ta l-approvazzjoni politika għall-pagament li jmiss ta' għajnuna finanzjarja lill-Greċja. Il-ministri faħħru l-azzjonijiet ta' politika tal-Greċja u qablu dwar pakkett ta' miżuri biex jiżguraw li d-dejn Grieg ser ikun sostenibbli.


Jean-Claude Juncker, President tal-Grupp tal-eur
 u Prim Ministru tal-Lussemburgu, flimkien ma' Olli Rehn,
Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea,
 fil-konferenza stampa wara l-laqgħa.

© Unjoni Ewropea 2012

Id-deċiżjoni tirrifletti valutazzjoni pożittiva tal-implimentazzjoni mill-Greċja tal-miżuri maqbula u qbil dwar il-kondizzjonijiet futuri tal-programm. Il-programm kien ilu sospiż mir-rebbiegħa, meta minħabba inċertezzi politiċi kien hemm dewmien fl-implimentazzjoni tal-miżuri ta' riforma.

Il-Grupp tal-euro faħħar l-isforzi tal-Greċja minn wara l-elezzjonijiet f'Ġunju. B'mod partikolari, il-Parlament Grieg adotta:

  • Leġislazzjoni (il-"Liġi Omnibus") biex tippromulga għadd kbir ta' riformi ekonomiċi mfassla biex isaħħu l-ekonomija Griega, itejbu l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika Griega u jagħtu spinta lit-tkabbir u l-impjiegi. 
  • Baġit għall-2013 u strateġija fiskali għal perijodu medju (MTFS) għas-snin 2013 sal-2016.  Dawn jippromulgaw €13.5 biljun ta' konsolidazzjoni fiskali fl-2013 u l-2014 u għandhom l-għan li jiksbu bilanċ pożittiv fiskali primarju (li ma jinkludix ħlasijiet ta' interess) ta' 4.5% tal-PDG fl-2016, li jġib id-defiċit nominali fl-istess sena għal inqas minn 3%. 

 

Il-Grupp tal-euro approva din id-data ffissata ġdida, li tirrappreżenta estensjoni ta' sentejn mill-kalendarju miftiehem preċedentement għall-kisba ta' dan il-livell ta' bilanċ pożittiv primarju.

Fid-dawl ta' din id-data ffissata riveduta, il-Grupp tal-euro ħass li l-programm kien jiġġustifika analiżi aktar ġenerali tas-sostenibbiltà tad-dejn għal perijodu twil. Għaldaqstant ġew stabbiliti miri ġodda għal-livell tad-dejn, b'ċifra għall-proporzjon tad-dejn għall-PDG ta' 124% fl-2020, li jinżel għal sostanzjalment inqas minn 110% fl-2022 u jkompli jonqos b'mod sinifikanti wara dan.

Il-Grupp tal-euro qabel dwar il-miżuri li ġejjin biex jappoġġaw is-sostenibbiltà tad-dejn

  • Il-Greċja ser tikkunsidra li twettaq operazzjoni ta' xiri lura tad-dejn biex tikseb tnaqqis sinifikanti tad-dejn pendenti miżmum mis-settur privat.
  • Ir-rata tal-interess li l-Greċja tintalab tħallas fuq self taħt il-Faċilità ta' Self Griega (self bilaterali mill-Istati Membri l-oħra) ser titnaqqas.
  • It-tariffa tal-impenn ta' garanzija li għandha titħallas mill-Greċja għal self mill-Faċilità Ewropea ta' Stabbiltà Finanzjarja (EFSF) ser tiġi kkanċellata.
  • Il-maturità kemm fuq self bilaterali kif ukoll fuq self mill-EFSF ser tiġi estiża bi 15-il sena, bil-ħlasijiet kollha ta' interess deferiti b'10 snin.
  • L-Istati Membri ser jgħaddu lill-Greċja ammonti ekwivalenti għall-profitti li jirriżultaw mill-Programm tas-Suq tat-Titoli ta' Sigurtà ta' holdings ta' bonds Griegi ta' banek ċentrali tal-Eurosistema.
  • L-Istati Membri ser jikkunsidraw aktar miżuri jekk dawn ikunu meħtieġa biex jintlaħqu l-miri prinċipali għas-sostenibbiltà tad-dejn, ladarba l-Greċja tkun kisbet bilanċ pożittiv primarju.
     

L-Istati Membri tennew l-impenn tagħhom li jipprovdu appoġġ finanzjarju adegwat matul il-programm u lil hinn minnu, sakemm il-Greċja terġa' tikseb aċċess għas-swieq finanzjarji, dment li hija tirrispetta l-obbligi tagħha. Dan jinkludi li jiġu kkunsidrati aktar miżuri jekk ikunu meħtieġa biex tinkiseb is-sostenibbiltà tad-dejn.

Il-Grupp tal-euro laqa' b'sodisfazzjon ukoll il-miżuri tal-awtoritajiet Griegi biex jiżguraw il-korrezzjoni ta' kull devjazzjoni mill-baġit u jissalvagwardaw il-kisba tal-miri għall-privatizzazzjoni. Il-Greċja kkonfermat ukoll tisħiħ sinifikanti tal-operazzjoni tal-kont segregat stabbilit għas-servizz tad-dejn.

Fid-dawl tal-valutazzjoni pożittiva, il-Grupp tal-euro ta l-approvazzjoni politika għall-pagament li jmiss mill-EFSF, soġġett għall-ikkompletar tal-proċeduri nazzjonali meħtieġa. Il-Grupp tal-euro jipprevedi li jkun f'pożizzjoni li jieħu deċiżjoni formali biex jikkonferma dan fit-13 ta' Diċembru.

Il-pagament ikun għal ammont totali ta' €43.7 biljun, li €34.4 biljun minnhom jingħataw f'Diċembru. Il-bqija tingħata fi tliet partijiet fl-ewwel kwart tal-2013 u ser tkun marbuta mal-implimentazzjoni ta' azzjonijiet ta' "stadju fundamentali" fil-programm Grieg.


Aktar informazzjoni:

 

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva    LE


X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?