Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Grupp tal-euro: Il-MES ser ikun għal kollox operattiv sa tmiem Ottubru

Fil-laqgħa informali tal-Grupp tal-euro f'Nicosia, Ċipru, fl-14 ta' Settmebru 2012, il-ministri tal-finanzi ddiskutew l-iżviluppi ekonomiċi u finanzjarji fiż-żona tal-euro. Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES) mistenni li jkun operattiv sa tmiem Ottubru 2012.


Konferenza stampa wara l-laqgħa informali tal-Grupp
tal-euro fl-14 ta' Settmebru 2012
Sors: Presidenza Ciprijotta tal-Kunsill tal-UE

Ratifika tat-Trattat dwar l-MES

Il-Ministri laqgħu favorevolment id-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali Federali Ġermaniża lil tippermetti lill-Ġermanja tirratifika t-Trattat dwar l-MES.

"Aħna lkoll qbilna li l-ebda dispożizzjoni tat-trattat ma tista' tiġi interpretata fis-sens li twassal għal obbligi ta' pagamenti ogħla għall-Membri tal-MES mingħajr il-qbil minn qabel tar-rappreżentatnti tagħhom," qal il-President tal-Grupp tal-euro Jean-Claude Juncker. "Aħna qbilna wkoll li d-dispożizzjoni tat-trattat ma jwaqqfux informazzjoni komprensiva tal-parlamenti nazzjonali, kif previst fir-regolamenti nazzjonali."

Il-Grupp tal-euro ser joħroġ dikjarazzjoni fil-jiem li ġejjin biex jifformalizza dan il-qbil.

Il-Bord tal-Gvernaturi tal-MES ser iżomm il-laqgħa inawgurali tiegħu fil-marġni tal-laqgħa li jmiss tal-Grupp tal-euro fit-8 ta' Ottubru fil-Lussemburgu.

Wara li jsiru ċerti preparamenti tekniċi oħrajn, il-MES ikun imbagħad lest biex jiffinanzja programmi ġodda ta' sostenn għall-pajjiżi taż-żona tal-euro, fejn meħtieġ.

Sitwazzjoni ekonomika u finanzjarja taż-żona tal-euro

"Minkejja ċ-ċirkostanzi diffiċli, l-aġġustament ekonomiku qed iseħħ fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro, li huwa sinjal tajjeb għat-tkabbir futur," qal Jean-Claude Juncker.

Huwa kkunsidra li d-deċiżjoni indipendenti tal-Bank Ċentrali Ewropew li jibda programm ġdid ta' xiri ta' bonds tal-Gvern imsejjaħ Transazzjonijiet Monetarji Definittivi bħala "element importanti fir-risposta globali taż-żona tal-euro għall-kriżi".

Spanja

Skont is-Sur Juncker, il-Ministru tal-Finanzi Spanjol Luis de Guindos kien tenna "l-impenn sħiħ tal-awtoritajiet Spanjoli li jilħqu l-objettivi baġitarji tagħhom".

L-implimentazzjoni tal-assistenza lis-settur finanzjarju tal-pajjiż miexja kif previst, qal il-President tal-Grupp tal-euro.

Greċja

"Aħna appellajna lit-Trojka [Kummissjoni Ewropea, BĊE, FMI] u lill-Greċja biex ikomplu bin-negozjati tagħhom u jaqblu fuq sett ta' miżuri kredibbli sabiex tingħalaq id-diskrepanza fiskali għall-2013-2014," qal is-Sur Juncker. Madankollu, mhux qed jistenna deċiżjonijiet politiċi qabel it-tieni nofs ta' Ottubru.

Portugall u Irlanda

Il-Grupp tal-euro ħareġ dikjarazzjoni fejn laqa' favorevolment il-fatt "li ntlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet u t-Trojka rigward objettivi fiskali riveduti". Il-ħames missjoni ta' reviżjoni għall-Portugall, li ntemmet fil-11 ta' Settembru 2012, irriżultat f'estensjoni taż-żmien għar-riduzzjoni tal-bilanċ negattiv tal-baġit tal-pajjiż: dan mistenni li jaqa' taħt it-3% tal-PDG fl-2014.

Il-programm għall-Irlanda qed jimxi tajjeb. "L-Irlanda, flimkien mal-Portugall, hija eżempju konkret li programmi ta' aġġustament fil-fatt jaħdmu sakemm ikun hemm appartenenza qawwija u impenn ġenwin għar-riformi".


Aktar informazzjoni:
Dikjarazzjoni tal-Grupp tal-euro dwar il-Portugall, 14 ta' Settembru 2012 (pdf, en)
Video tal-konferenza stampa tal-Grupp tal-euro (website tal-Presidenza Ciprijotta)
Dikjarazzjoni mill-President tal-Grupp tal-euro wara d-deċiżjoni Ġermaniża dwar il-MES, 12 ta' Settembru 2012 (pdf, en)
Portal taż-żona tal-euro
Dikjarazzjoni tal-KE, il-BĊE u l-FMI dwar il-ħames missjoni ta' reviżjoni għall-Portugall, 11 ta' Settembru 2012 (paġni web tal-Kummissjoni)
 

Għina nitjiebu

Sibt l-informazzjoni li kont qed tfittex?

Iva    LE


X'kont qed tfittex?

Għandek xi suġġerimenti?