L-Ewropa tgħin lill-Côte d'Ivoire tirritorna għan-normal


© Fotolia

Id-diżordni wara l-elezzjonijiet presidenzjali fil-Côte d'Ivoire fl-aħħar tal-2010 rriżulta fi gwerra ċivili u l-arrest tal-President preċedenti Laurent Gbagbo f'April.Il-kriżi ħalliet lill-President Alassane Ouattara u l-pajjiż f'sitwazzjoni politika kumplessa u bi ħtiġijiet urġenti ta' għajnuna umanitarja.

L-aktar objettivi urġenti huma r-restawr tas-sigurtà u l-ordni pubbliku, ir-rilanċ tal-ekonomija u l-iżgurar tal-provvista tal-ikel. Xi wħud mis-sanzjonijiet imposti mill-UE fuq entitajiet li jappoġġaw finanzjarjament lir-reġim qegħdin jitneħħew gradwalment sabiex l-ekonomija tal-pajjiż tingħata għajnuna biex terġa' lura fit-triq it-tajba.

Aktar minn miljun persuna huma spostati fil-pajjiż, u minn tal-inqas 130 000 ħarbu fil-pajjiżi ġirien tal-Liberja u l-Gana, b'effett mifrux tal-kunflitt għal dawn il-pajjiżi wkoll. L-ikel u l-mediċina huma skarsi, l-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel għandhom bżonn jerġgħu jibdew, u l-kliniċi u l-isptarijiet jeħtieġ jinfetħu mill-ġdid.

L-UE tappoġġa l-isforzi tal-Côte d'Ivoire għal ritorn lejn l-istabbiltà u l-irkupru. Hija ser tkompli l-programmi tagħha dwar l-għajnuna għall-iżvilupp mill-aktar fis possibbli. L-UE u l-Istati Membri tagħha diġà mmobilizzaw total ta' 60 miljun euro f'għajnuna umanitarja għal attivitajiet ta' protezzjoni, għajnuna medika, kenn, ikel, ilma u sanità u kura tas-saħħa.

Ammont ulterjuri ta' 180 miljun euro ġie mwiegħed f'għajnuna għall-iżvilupp, primarjament għall-agrikoltura u l-produzzjoni tal-ikel, bl-ewwel kuntratt b'valur ta' 26 miljun euro. Oqsma oħrajn importanti li għandhom jiġu koperti huma l-istabbiltà u l-irkupru tal-pajjiż, il-proċess ta' rikonċiljazzjoni nazzjonali u r-riforma tas-settur tas-sigurtà u d-demobilizzazzjoni. Ġew allokati 18-il miljun euro għall-appoġġ tas-settur tal-ġustizzja. Huwa essenzjali li l-poplu jara titjib rapidu fl-oqsma tas-sigurtà, il-ħtiġijiet bażiċi u d-drittijiet tal-bniedem.

Aktar tagħrif:
Skeda informattiva tas-SEAE




10/05/2011