Jingħata bidu għall-programmar konġunt tar-riċerka dwar it-tixjiħ


© Fotolia

30/09/2011

Ir-riċerka dwar l-isfidi li jġib miegħu t-tixjiħ tal-popolazzjoni kienet is-suġġett ta' konklużjonijiet adottati mill-Kunsill fit-30 ta' Settembru. L-inizjattiva "Iktar Snin, Ħajjiet Aħjar" għandha l-għan li tgħaqqad l-isforzi tar-riċerka u tiżviluppa aġenda strateġika komuni tar-riċerka dwar tibdil demografiku.

L-inizjattiva ser tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-frammentazzjoni tad-dixxiplini u l-isforzi ta' riċerka tal-Istati Membri u biex tiżdied il-mobilizzazzjoni tal-ħiliet, l-għarfien u r-riżorsi, bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività tal-EU.

L-għadd ta’ Ewropej li għandhom iktar minn 65 sena huwa mistenni jiżdied b'mod sinifikattiv, tabilħaqq bi 42% – minn 87 miljun fl-2010 għal 124 miljun fl-2030. It-tixjiħ tal-popolazzjoni ser ikollu impatt fuq l-ekonomija, s-soċjetà u l-finanzi pubbliċi, u jżid il-ħtieġa għal trasferimenti u servizzi pubbliċi marbuta mal-età.

Progetti ta' riċerka jistgħu jagħtu kontribut għat-tfassil ta' politika li tgħin lin-nies anzjani jgħixu ħajja attiva u sana, u b'hekk ikunu jistgħu jibqgħu indipendent aktar fit-tul. Proġetti oħra jistgħu jkopru l-użu ta' soluzzjonijiet innovattivi ta' kura, kif ukoll sistemi sostennibbli ta' kura tas-saħħa u ta' kura fit-tul.

Il-proċess huwa mmexxi mill-Istati Membri parteċipanti. Ir-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiffaċilità l-proċess u tipprovdi appoġġ fejn meħtieġ. Il-parteċipazzjoni hija volontarja u sa issa issieħbu 15-il pajjiż - xi wħud minnhom parti mill-UE, oħrajn le. L-ewwel riżultati huma mistennijin wara l-2012.

L-inizzjattiva taħbat mas-Sena Ewropea 2012, li hija ddedikata għat-tixjiħ attiv u s-solidarjetà bejn il-ġenerazzjonijiet.  

 

Aktar informazzjoni:
Konklużjonijiet tal-Kunsill (pdf) (en)
Webcast tal-konferenza stampa
Sit Elettroniku "Iktar Snin, Ħajjiet Aħjar"