Kulħadd huwa interessat f'Ewropa b'saħħitha. F'dan l-ispirtu, fl-ewwel sitt xhur tal-2011 il-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill tal-UE ser tagħmel minn kollox biex tagħmel l-istrateġija "Ewropa 2020" suċċess, iddikjara s-Sur Viktor Orbán, Prim Ministru Ungeriż, f'intervista esklussiva fuq il-websajt tal-Kunsill.
Sur Prim Ministru, il-gvern Ungeriż iddikjara li għall-Unjoni Ewropea, l-2011 ser tkun is-sena tal-azzjoni.X'lezzjonijiet tgħallmet l-UE mill-kriżi u x'direzzjoni tixtieq tagħti l-Presidenza Ungeriża tal-Kunsill lill-azzjoni kkordinata tal-Istati Membri?
L-Ewropa tinsab quddiem l-aktar sena diffiċli tagħha fl-era sa mill-waqgħa tal-Komuniżmu. Din tirrapreżenta sfidi serji. Madankollu, l-Ungeriżi huma poplu ppruvat u ttestjat li jista' jissupera ħafna kriżijiet, għalhekk nista' nikkonferma li hija aħbar tajba għall-Ewropa li għandha Presidenza Ungeriża f'dan il-perijodu. Matul il-preparazzjoni għall-Presidenza, għamilt proċess ta' konsultazzjoni estensiv madwar l-Ewropa: iltqajt ma' sħabi kollha l-Prim Ministri, iżda kelli taħdidiet ukoll mal-mexxejja tal-pajjiżi li qed jippartiċipaw fis-Sħubija tal-Lvant u ma' diversi kapijiet tal-gvern tar-reġjun tal-Balkani. L-esperjenza tiegħi kienet li kulħadd kien interessat f'Ewropa b'saħħitha minħabba li hija sors ta' appoġġ u riżorsi għan-nazzjonijiet kollha. F'dan l-ispirtu, ser nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niżguraw li l-komunità u l-istrateġija "Ewropa 2020" jkunu ta' suċċess. Ippermettili niġbidlek l-attenzjoni lejn żewġ kwistjonijiet partikolari: it-tiswir ta' strateġija Ewropea ġenerali konġunta għar-Rom għandu jinkiseb matul il-Presidenza Ungeriża; madankollu, irridu nipprovdu wkoll perspettiva Ewropea għall-pajjiżi tal-Balkani tal-Punent għall-istabbilizzazzjoni tar-reġjun.
Il-Presidenza kif tara l-kooperazzjoni ekonomika Ewropea msaħħa u liema strumenti ġodda tikkonsidra neċessarji?
Madwar id-dinja għaddejja trasformazzjoni b'veloċità u profondità inkredibbli; l-Ewropa trid tkun kapaċi tieħu pożizzjoni f'kompetizzjoni globali aktar qawwija minn qatt qabel. Matul il-Presidenza Ungeriża rridu nerġgħu nuru li l-Ewropa hija l-post fejn twieldet l-ekonomija tas-suq, u li hija kapaċi ddur lejn soluzzjonijiet ġodda u innovattivi. Il-popli saru inċerti fir-rigward tal-Ewropa u l-futur tagħhom. Għandhom sens tajjeb tar-riskji, iżda ma jistgħux isibu soluzzjoni. Primarjament huma jistennew soluzzjonijiet li jagħtu imbottatura lit-tkabbir ekonomiku, il-ħolqien ta' mpjiegi ġodda u ż-żamma ta' dawk attwali. Għaldaqstant, l-Ewropa kollha ser teħtieġ tiġdid serju fil-perijodu li ġej.
X'tistenna mid-diskussjonijiet preparatorji dwar ir-reviżjoni tal-Politika Agrikola Komuni u l-politika ta' koeżjoni u l-ħolqien ta' politika komuni tal-enerġija?
Il-futur tal-Politika Agrikola Komuni huwa ta' importanza partikolari għall-Ewropa. L-ebda kompetittività tal-Unjoni Ewropea m'hija fattibbli mingħajr produzzjoni agrikola li hija f'konformità mat-tradizzjonijiet Ewropej u li tiffunzjona tajjeb. Għaldaqstant, huwa ta' importanza partikolari li niffaċilitaw il-kunsens tal-Istati Membri dwar iż-żamma tal-Politika Agrikola Komuni u d-direzzjonijiet tal-iżvilupp ulterjuri tagħha. Kwistjoni importanti għall-Presidenza tagħna hija li l-Unjoni trid tkun kapaċi tissupera l-kriżi tal-euro. Madankollu, hija wkoll kwistjoni relatata mad-differenzi fl-iżvilupp bejn kull Stat Membru tal-Unjoni. Din tiġbed l-attenzjoni b'mod mill-aktar ċar għall-fatt li l-Ewropa teħtieġ issaħħaħ il-politika ta' koeżjoni tagħha. Safejn hija kkonċernata l-politika tal-enerġija: ma nistgħux inqisu l-Unjoni bħala attur globali b'saħħtu sakemm ma tagħrafx li l-parti tal-lvant tagħha issofri minn dipendenza fuq l-enerġija. Irridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex innaqqsu din id-dipendenza fuq l-enerġija; li jfisser li rridu niddiversifikaw is-sorsi u r-rotot tat-trasport tal-fjuwil.
X'valur miżjud tista' ġġib il-Presidenza Ungeriża għall-politika tal-Unjoni lejn il-ġirien tal-Lvant tagħha?
Jekk l-Unjoni Ewropea trid tagħmel suċċess fl-arena globali, mela trid tkun ta' suċċess f'darha wkoll. Huwa minħabba f'hekk li s-suċċess tas-Sħubija tal-Lvant jirrappreżenta riżorsa sostanzjali li tista' ssaħħaħ il-komunità tagħna b'mod sinifikanti. Il-Presidenza Ungeriża tal-UE fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla tikkonsidra l-promozzjoni tas-Sħubija tal-Lvant bħala waħda mill-aktar objettivi importanti tagħha fil-politika barranija; saħansitra ser norganizzaw Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant ġewwa Budapest f'Mejju li ġej. Naħsbu li l-intensifikar u l-għeluq tat-taħdidiet ta’ adeżjoni mal-Kroazja hija ta' importanza strateġika. filwaqt li rridu nħallu l-perspettiva Ewropea miftuħa għas-Serbja wkoll. Ser nagħmlu wkoll kull sforz biex nappoġġaw l-adeżjoni tar-Rumanija u l-Bulgarija maż-Żona Schengen.
Il-Presidenza tagħkom hija l-aħħar mit-trio Spanjol-Belġjan-Ungeriż.Kif tevalwa l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni mal-Ispanjoli u l-Belġjani?
Is-Sur János Martonyi, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-gvern tiegħi riċentement kellu laqgħat bilaterali fi Brussell mal-kollegi tiegħu Spanjoli u Belġjani, u hu qabel li jikkoopera mill-qrib ħafna magħhom it-tnejn matul il-perijodu tal-Presidenza Ungeriża wkoll. Ninsabu wkoll f'konsultazzjoni kontinwa mal-ħbieb Pollakki tagħna; u prattikament nifformaw duo minħabba li ser ikunu qed isegwuna bħala l-President tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
Il-Presidenza Ungeriża kif ser tikkomunika l-attivitajiet tagħha liċ-ċittadini tal-UE?
L-istess bħal qabel il-Presidenza, ser nerġa' inżur is-sitta u għoxrin Stat Membru matul is-sitt xhur tal-Presidenza. Ser niltaqa' ma' sħabi l-Prim Ministri, u ser nitkellem kullimkien b'appoġġ għall-kunċett ta' Ewropa b'saħħitha; u ser nipprova nuża r-riżorsi tiegħi ukoll, biex inressaq il-kunċett tal-Ewropa aktar qrib iċ-ċittadini Ewropej. Ser nipprova nnaqqas id-distakk li sfortunatament huwa wiesa' ħafna bejn l-ispirtu Ewropew u ċ-ċittadini Ewropej.