Kumitat Militari: soluzzjonijiet aktar intelliġenti għad-difiża Ewropea


Claude-France Arnould, Kap Eżekuttiv tal-EDA,
u l-Ġeneral Håkan Syrén, President tal-Kumitat Militari
© Unjoni Ewropea, 2011

Il-Kapijiet tad-Difiża tal-Istati Membri kollha ltaqgħu fi Brussell fit-3 ta' Mejju b'żewġ punti prinċipali fuq l-aġenda: operazzjonijiet militari u akkomunament/kondivizjoni ta' kapaċitajiet.

Fil-klima ekonomika attwali, l-akkomunament u l-kondivizjoni ta' kapaċitajiet militari, bbażati fuq it-Trattat ta' Lisbona, saru saħansitra aktar importanti. "Għandna mmexxu mod ieħor," qal il-Ġeneral Håkan Syrén, President tal- Kumitat Militari. Il-ħsieb huwa li jinstabu soluzzjonijiet aktar intelliġenti u li jiġu ffrankati l-flus billi flimkien jiżviluppaw u jżommu l-kapaċitajiet. L-ewwel analiżi li saret mill-Istati Membri kollha ser tiġi ppreżentata lill-Ministri tad-Difiża fil-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Mejju.

Barra minn hekk, f'dawn id-diskussjonijiet ikkontribwixxew il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, Claude-France Arnould, il-Kap tad-Direttorat għall-Immaniġġar ta' Kriżijiet u l-Ippjanar, l-Ambaxxatur Walter Stevens, u rappreżentant tan-NATO.

Rigward l-operazzjonijiet, il-Kapijiet tad-Difiża ddiskutew, fost oħrajn, l-istrategija futura għall-Qarn tal-Afrika. Skont il-Ġeneral Syrén, din tista' tinkludi lis-Somalja u lil pajjiżi oħra madwar il-Golf ta' Aden. Il-Kmandant tal-Operazzjoni EUNAVFOR Atalanta qed jirrevdi l-pjan tiegħu sabiex isib metodi ġodda biex tiġi miġġielda l-piraterija 'l barra mix-xtut tas-Somalja.

It-tħejjija tal-operazzjoni EUFOR Libja għall-appoġġ tal-għajnuna umanitarja fir-reġjun - li għandha titnieda jekk tiġi rikjesta mill-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Affarijiet Umanitarji - għaddejja b'ritmu tajjeb fil-kwartieri ġenerali tagħha f'Ruma.

Il-Kumitat Militari tal-Unjoni Ewropea huwa l-ogħla korp militari stabbilit fi ħdan il-Kunsill. Huwa jiltaqa' fil-livell ta' Kapijiet tad-Difiża darbtejn fis-sena; ikollu wkoll laqgħat kull ġimgħa fi Brussell, normalment fil-livell ta' rappreżentanti militari permanenti. Huwa jagħti parir lill-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà dwar il-kwistjonijiet militari kollha fi ħdan l-UE.

Aktar informazzjoni:
Stqarrija għall-Istampa
Video tal-konferenza stampa

Operazzjonijiet tal-UE


06/05/2011