Nipproteġu t-tfal fid-dinja diġitali
© Nessli Orpmas - Fotolia.com
30/11/2011
Meta l-ministri tal-UE responsabbli mill-kwistjonijiet awdjoviżivi ltaqgħu fid-29 ta' Novembru, huma adottaw konklużjonijiet immirati biex itejbu s-sikurezza tal-esperjenza diġitali tal-minorenni. Diversi atturi kienu mitluba jikkontribwixxu lejn il-kisba ta' dan l-għan, b'miżuri li jvajraw minn kampanji ta' sensibilizzazzjoni għal appoġġ lill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi.
Bħala medja t-tfal tal-lum jibdew jesploraw id-dinja online ta' 7 snin. Ta' madwar erbatax-il sena, tlett'itfal minn erbgħa għandhom profil fuq wieħed minn dawk l-hekk imsejħa siti ta' netwerking soċjali. Waqt li jissottolinjaw li "ambjent ta' media sikur għall-minorenni hu neċessarju u għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipji tad-dinjità tal-bniedem, is-sigurtà u r-rispett għall-ħajja privata", il-konklużjonijiet tal-Kunsill enfasizzaw il-ħtieġa li kemm it-tfal kif ukoll il-ġenituri u l-għalliema tagħhom jiġu mgħallma kif inaqqsu r-riskji u jiffaċċjaw il-problemi li jaf iqumu.
Apparti minn hekk, il-ministri stiednu lill-industrija awdjoviżiva biex tieħu kont tal-ħtieġa tal-protezzjoni tal-minorenni meta jfasslu l-prodotti u s-servizzi; dan ikun jinkludi, fost l-oħrajn, l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tekniċi - eż. muturi ta' riċerka apposta u għodod ta' kontroll min-naħa tal-ġenituri - u l-użu tal-parametri ta' privatezza adegwati bħala default meta t-tfal jissieħbu ma' netwerk soċjali.
Barra minn hekk, il-Kunsill ħeġġeġ kooperazzjoni aħjar, anke mal-pajjiżi terzi, rigward il-kontenut tal-internet illegali u dannuż, u implimentazzjoni ulterjuri sal-2013 ta' hotlines biex jiġi rappurtat kontenut bħal dan.
Għal aktar informazzjoni:
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tat-tfal f'dinja diġitali (pdf) (en)
Stqarrija għall-istampa
Webcast tal-konferenza stampa