 |
|
© Fuensanta Candela Castillo / Komunitajiet Ewropej
|
Ta' spiss, il-klieb il-baħar huma meqjusa bħala predaturi kiefra li jħufu tul ix-xtut biex isibu vittmi umani. Fil-fatt, illum il-persuni huma ferm aktar ta' theddida għal dawn l-ispeċijiet vulnerabbli milli qatt kienu huma ta' theddida għalina. Huwa għal din ir-raġuni li fit-23 ta' April il-ministri tas-sajd tal-UE adottaw konklużjonijiet dwar pjan ta' azzjoni għall-konservazzjoni u l-ġestjoni tal-klieb il-baħar.
Hemm talba kbira għall-prodotti ġejjin mill-klieb il-baħar (laħam, xwiek, kartilaġni, eċċ.), speċjalment fis-suq Ażjatiku. Il-qabdiet madwar id-dinja żdiedu minn 600 000 għal aktar minn 810 000 tunnellata bejn l-1984 u l-2004. Dawn il-qabdiet mhumiex limitati għall-ilmijiet tropikali: il-bastimenti tal-UE issa jaqbdu madwar 100 000 tunnellata klieb il-baħar u speċijiet relatati kull sena. Bħala riżultat ta' dan, bosta speċijiet ibatu minn sajd eċċessiv, u xi wħud mhumiex 'il bogħod mill-estinzjoni. Dan huwa allarmanti, peress li l-klieb il-baħar, ir-rajji u r-rebekkini (speċijiet kartilaġinużi) għandhom rwol kruċjali fil-bilanċ delikat tal-ekosistemi marini. Huwa importanti li l-UE tgħin biex jiġu protetti.
L-UE diġà ħadet azzjoni għall-protezzjoni tal-klieb il-baħar. Fl-2003 hija adottat projbizzjoni fuq it-tneħħija tax-xewka tal-klieb il-baħar (finning) qabel ma dawn jerġgħu jintefgħu 'l baħar. It-tisħiħ tal-kontroll tal-projbizzjoni tat-tneħħija tax-xewka huwa ċentrali għall-pjan ta' azzjoni. Ser tingħata wkoll attenzjoni debita biex jitnaqqsu l-qabdiet sekondarji u r-rimi li jirriżultaw minn sajd ieħor. Barra minn hekk, il-pjan jimmira li jkabbar il-konoxxenza tas-sajd tal-klieb il-baħar, speċijiet ta’ klieb il-baħar u r-rwol ekoloġiku tagħhom.
Minħabba l-karatteristiċi bijoloġiċi tagħhom, bħall-maturità sesswali tardiva tagħhom u r-rata baxxa ta' fertilità tagħhom, il-klieb il-baħar huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament eċċessiv. Ladarba eżawriti, l-istokkijiet tagħhom idumu żmien twil biex jirkupraw, anki bi protezzjoni tajba. Huwa għal din ir-raġuni li l-Ewropej għandhom jaġixxu issa.
Għal aktar informazzjoni:
Stqarrija għall-Istampa tal-Kunsill (pdf)
Webkast tal-konferenza stampa tal-Kunsill