23/09/2011
Fl-indirizz tiegħu lill-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fit-22 ta' Settembru, Herman Van Rompuy, President tal-Kunsill Ewropew, iddikjara: "Issa għandna "r-responsabbiltà li nassistu" lil-Libja l-ġdida fit-transizzjoni politika, ir-rikonċiljazzjoni u r-rikostruzzjoni ta' pajjiż unit. Il-Kunsill Nazzjonali Transizzjonali, li illum qed imexxi l-Libja, jinsab lest għal dan il-kompitu. L-Ewropa kienet, għadha u tibqa' żżomm mal-Libjani."
Fl-istess ġurnata, il-Kunsill adotta sett ta' miżuri mfassla biex jgħinu l-ekonomija Libjana tirkupra mill-gwerra ċivili u biex jassistu l-missjoni ta' appoġġ tan-NU għal dan il-pajjiż. Dawn id-deċiżjonijiet jimplimentaw ir-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar il-Libja adottata fis-16 ta' Settembru.
Ir-Riżoluzzjoni (2009/2011) ittemm parzjalment l-embargo tal-armi u l-iffriżar tal-assi imposti fuq il-Libja. Il-Kunsill issa awtorizza r-rilaxx tal-fondi ffriżati sabiex ikopru l-bżonnijiet umanitarji, biex jerġgħu jibdew l-attivitajiet fis-settur taż-żejt u dak bankarju tal-Libja u biex jassistu fil-formazzjoni ta' gvern ċivili.
Fl-20 ta' Settembru, il-President Van Rompuy laqa' b'mod enfatiku r-Riżoluzzjoni l-ġdida tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti li twaqqaf Missjoni tan-NU fil-Libja. Waqt Laqgħa ta' Livell Għoli f'New York huwa qal li "l-UE tintrabat li tuża s-setgħat u l-kompetenzi tagħha kollha biex timplimentaha,". Il-Missjoni ta' Appoġġ tan-Nazzjonijiet Uniti fil-Libja (UNSMIL) għandha l-għan li tassisti fl-isforzi nazzjonali Libjani biex terġa' tinkiseb is-sigurtà pubblika, titrawwem ir-rikonċiljazzjoni u jiġi promoss il-proċess demokratiku. Inizjalment il-mandat tagħha ser ikun ta' tliet xhur.
Sadattant, l-Unjoni Ewropea ser tkompli bl-isforzi tagħha ta' għajnuna umanitarja, koordinati min-Nazzjonijiet Uniti. Grupp tal-għajnuna umanitarja u protezzjoni ċivili tal-UE (ECHO) ser jibqa' Tripli biex jimmonitorja s-sitwazzjoni umanitarja. Il-prijoritajiet preżenti tiegħu jinkludu l-protezzjoni tal-popolazzjoni ċivili u l-valutazzjoni tal-moviment tal-popolazzjonijiet u ħtiġijiet oħra li jirriżultaw minn dan. Il-grupp qed jaħdem flimkiem ma' sħab internazzjonali oħra, taħt it-tmexxija tal-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Koordinazzjoni tal-Affarijiet Umanitarji. Barra mill-kapitali Libjana, l-esperti tal-ECHO huma stazzjonati wkoll fil-fruntiera bejn Tuneż u l-Libja u l-ECHO għandha uffiċċju fil-belt tal-Lvant Benghazi. "Nagħtu lil-Libjani għajnuna umanitarja diretta, skont il-prinċipji tan-newtralità u l-imparzjalità," qal José Manuel Barroso, President tal-Kummissjoni Ewropea.
Mill-11 ta' Settembru 2011, il-finanzjament tal-UE u tal-Istati Membri għall-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili fil-kriżi Libjana ammonta għal EURO 153 232 569. L-għajnuna umanitarja ffinanzjata mill-Kummissjoni, ta' EURO 70 miljun, ippermettiet l-evakwazzjoni ta' 24 000 ċittadin ta' pajjiżi terzi, il-kunsinja (inklużi l-finanzjament, il-mekkaniżmi ta' koordinament u t-trasport bl-ajru) ta' għajnuna ta' solliev, u l-forniment ta' kura tas-saħħa f'emerġenza, biex insemmu biss xi ftit eżempji.
Barra milli tindirizza l-ħtiġijiet umanitarji l-aktar urġenti, l-Unjoni Ewropea qed tipprepara miżuri kemm immedjati kif ukoll għal perijodu twil biex tappoġġa l-proċess ta' stabbilizzazzjoni mmexxi mill-Kunsill Transitorju Nazzjonali Libjan (NTC). Dawn jinkludu attivitajiet fil-qasam tar-riforma tas-settur tas-sigurtà u d-diżarm; assistenza għal perijodu qasir għall-Kunsill Transitorju Nazzjonali biex jibni istituzzjonijiet tal-istat; u forniment ta' taħriġ biex tgħin fit-tisħiħ tas-soċjetà ċivili.
Il-ftuħ tal-uffiċċju tal-UE fi Tripli fil-31 ta' Awwissu pprovda simbolu b'saħħtu tal-appoġġ tal-UE għall-poplu tal-Libja. L-uffiċċju l-ieħor tal-UE f'Benghazi għadu miftuħ.
L-impenn tal-UE fil-Libja ser ikun ibbażat fuq il-Politika Ewropea tal-Viċinat u s-Sħubija għad-Demokrazija u l-Prosperità Kondiviża. Fit-18 ta' Lulju, id-diplomat Spanjol Bernardino León Gross inħatar mill-Kunsill bħala l-ewwel Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għan-Nofsinhar tal-Mediterran, inkarigat bl-appoġġ tat-transizzjoni għad-demokrazija fil-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE.
Aktar informazzjoni:
L-UE timplimenta l-aħħar deċiżjonijiet tan-NU b'appoġġ għal-Libja
Diskors mill-President Van Rompuy fil-Laqgħa ta' Livell Għoli dwar il-Libja
Krizi Libjana - Skeda informattiva dwar l-għajnuna umanitarja tal-UE (en)
Inwiegbu ghall-isfida ta' stabbilizzazzjoni fil-Libja ta' wara l-konflitt (pdf) (en)
X'ghamlet s'issa l-UE biex tappogga lill-poplu Libjan (stqarrija għall-istampa mill-Kummissjoni)
Sit elettroniku dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni Ewropea rigward il-Libja