Sanzjonijiet eħrex kontra s-Sirja


© Fotolia, Floki Fotos

24/08/2011

Fit-23 ta' Awwissu, l-Unjoni Ewropea ssikkat is-sanzjonijiet tagħha kontra l-mexxejja tas-Sirja billi wessat il-lista ta' individwi u entitajiet soġġetti għal miżuri restrittivi.

Id-deċiżjoni imponiet projbizzjonijiet fuq il-viża u l-iffriżar tal-assi ta' 15-il persuna oħra li għandha rabta mar-ripressjoni vjolenti. Erba' aġenziji oħra tal-Gvern tas-Sirja u l-Forza Qods tal-IRGC, taqsima esperta tal-Korp Iranjan tal-Gwardjani tar-Rivoluzzjoni Iżlamika (IRGC) involuta fil-forniment ta' tagħmir u appoġġ biex tgħin lir-reġim tas-Sirja jrażżan il-protesti, ġew miżjuda mal-lista, li sa issa kienet immirata lejn 35 individwu u erba' entitajiet.

Regolament li jimplimenta miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (test sħiħ, pdf)

Fl-istess jum, f'Ġinevra, il-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHRC) kellu sessjoni speċjali dwar is-Sirja, imlaqqa' fuq it-talba tal-Unjoni Ewropea u appoġġata minn għadd kbir ta' stati osservaturi u stati membri oħra. L-UNHRC ikkundanna l-vjolenza mill-awtoritajiet tas-Sirja u ddeċieda li jibgħat tim internazzjonali biex jistħarreġ ir-rapporti dwar ksur tal-liġi dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż. Catherine Ashton, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, laqgħet bi pjaċir l-eżitu tas-sessjoni speċjali u d-deċiżjoni li titnieda investigazzjoni urġenti dwar il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem.

Għal aktar tagħrif:

Dikjarazzjonijiet mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà:
- dwar is-sessjoni speċjali tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU (pdf)
- dwar it-twessiegħ tal-miżuri restrittivi kontra l-Gvern tas-Sirja (pdf)
- f'isem l-UE dwar azzjoni tal-UE wara ż-żieda tar-ripressjoni vjolenti fis-Sirja (pdf)
Is-sit web tal-Azzjoni Esterna tal-UE dwar is-Sirja