Politika lingwistika

Is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE (SĠK) għandu l-għan li jagħmel is-sit web tiegħu kemm jista' jkun aċċessibbli għall-utenti tiegħu. Għalhekk, il-kontenut fuq il-web kollu tagħna huwa ppubblikat għall-inqas bl-Ingliż u l-Franċiż, u ħafna mill kontenut fuq il-web tagħna huwa disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE. 

Liema lingwi jintużaw fuq dan is-sit web?

Is-sit web juża l-24 lingwa uffiċjali tal-UE:

il-Bulgaru, il-Kroat, iċ-Ċek, id-Daniż, l-Olandiż, l-Ingliż, l-Estonjan, il-Finlandiż, il-Franċiż, il-Ġermaniż, il-Grieg, l-Ungeriż, l-Irlandiż, it-Taljan, il-Latvjan, il-Litwan, il-Malti, il-Pollakk, il-Portugiż, ir-Rumen, is-Slovakk, is-Sloven, l-Ispanjol u l-Isvediż.

Kif jintużaw il-lingwi fuq is-sit web tal-Kunsill?

Is-sit web juża 3 politiki lingwistiċi differenti:

  1. kontenut ippubblikat fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE
  2. kontenut ippubblikat biss bl-Ingliż u bil-Franċiż
  3. kontenut ippubblikat bl-Ingliż, bil-Franċiż u bi kwalunkwe lingwa oħra rilevanti

Il-politika lingwistika normali hija li l-kontenut kollu jiġi ppubblikat bil-lingwi kollha tal-UE fl-istess ħin. Dan jinkludi dokumenti uffiċjali fir-reġistru pubbliku tal-Kunsill.

L-unika eċċezzjoni għar-regola hija l-kontenut ippubblikat fit-taqsima 'laqgħat' u t-taqsima 'stampa' tas-sit web.

Laqgħat

Informazzjoni dettaljata dwar laqgħat tal-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill tiġi ppubblikata bl-Ingliż u l-Franċiż biss. Madankollu, informazzjoni bażika dwar il-laqgħa, bħad-data, il-post u l-punti ewlenin tad-diskussjoni jkunu disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE. Sommarju qasir tal-laqgħat tal-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill u l-laqgħat tal-grupp tal-euro huwa ppubblikat fl-aħħar tal-laqgħa bil-lingwi kollha.

Informazzjoni dwar il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew tiġi ppubblikata bil-lingwi kollha tal-UE ħlief l-aġġornamenti li jsiru waqt il-laqgħa, li jsiru disponibbli bl-Ingliż u l-Franċiż biss.

Prodotti tal-istampa

Minħabba n-natura speċjalizzata tal-qarrejja tagħhom, għadd ta' prodotti tal-istampa jiġu ppubblikati bl-Ingliż u l-Franċiż biss. Dawn jinkludu:

  • dikjarazzjonijiet mill-grupp tal-euro u l-President tal-grupp tal-euro
  • dikjarazzjonijiet f'isem l-UE mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà 
  • l-ippjanar ta' kull ġimagħtejn tal-uffiċċju tal-istampa
  • tħabbiriet konsultattivi tal-media ppubblikati qabel avvenimenti speċifiċi, bħal summits ma' pajjiżi mhux tal-UE
  • dikjarazzjonijiet, kummenti u taħdidiet mill-President tal-Kunsill Ewropew - dawn ta' spiss ikunu ppubblikati wkoll b'lingwi rilevanti oħra, skont xi jkun is-suġġett tagħhom

Minħabba li jkun hemm bżonn issir komunikazzjoni malajr mal-istampa dwar ċerti kwistjonijiet, l-istqarrijiet għall-istampa jiġu ppubblikati l-ewwel bil-lingwa oriġinali tagħhom qabel ma jiġu tradotti fit-23 lingwa l-oħra tal-UE. Aħna nagħmlu ħilitna biex nippubblikaw il-verżjonijiet tradotti malajr kemm jista' jkun wara l-verżjoni oriġinali, u kull verżjoni lingwistika ġdida hija ppubblikata malli tkun disponibbli.

Għalfejn ma nistax insib l-informazzjoni bil-lingwa tiegħi?

Is-SĠK għandu l-għan li jipprovdi lill-utenti tas-sit web tiegħu b'informazzjoni kemm jista' jkun aġġornata bil-lingwa li l-aktar jifhmu.

Madankollu, għandna disponibbli baġit u riżorsi limitati għat-traduzzjoni. Sfortunatament dan ifisser li ma jirnexxilniex ikollna l-kontenut kollu tagħna tradott f'waqtu bil-lingwi kollha tal-UE. Għalhekk nikkonċentraw ir-riżorsi tagħna biex niżguraw li l-kontenut ewlieni huwa disponibbli bil-lingwi kollha, filwaqt li nillimitaw l-għażliet tal-lingwi għall-kontenut immirat lejn qarrejja speċjalizzati, bħall-istampa.

Minkejja li xi kontenut tas-sit web jista' ma jkunx disponibbli fil-lingwa tiegħek, xorta tista' taċċessa l-leġislazzjoni tal-UE u dokumenti uffiċjali tal-Kunsill u l-Kunsill Ewropew fl-24 lingwa uffiċjali tal-UE permezz tar-reġistru pubbliku.