Binjiet tal-Kunsill

Segretarjat Ġenerali

Qabel, l-amministrazzjoni tal-Kunsill, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill, kienet mifruxa f'diversi binjiet madwar Brussell. Biex jirrazzjonalizza l-funzjonament u l-ispejjeż interni tiegħu, il-Kunsill tal-UE fassal programm ta’ bini li l-għan tiegħu kien li jiġbor flimkien ix-xogħol amministrattiv u l-laqgħat kollha tal-istituzzjoni f’numru iżgħar ta’ binjiet maġenb xulxin.

Dan il-programm ta' bini wieġeb ukoll għall-iżviluppi fil-ħtiġijiet funzjonali:

  • id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew li jorganizza l-laqgħat kollha tiegħu fi Brussell, minflok ir-rotazzjoni preċedenti bejn l-istati membri
  • it-tkabbir tal-UE, li kien jinvolvi 13-il pajjiż f’għaxar snin
  • l-adozzjoni tat-Trattat ta’ Lisbona, li ħoloq il-kariga ta’ President permanenti tal-Kunsill Ewropew

Il-bini eżistenti tal-Justus Lipsius sarulu xi modifiki u t-tieni bini, il-Lex, inxtara biex jakkomoda n-numru dejjem akbar ta’ unitajiet tat-traduzzjoni. Bini ġdid, il-bini Europa, imfassla biex jospita laqgħat tal-Kunsill u tal-Kunsill Ewropew, sar operazzjonali f’Jannar 2017.

Il-bini Justus Lipsius

Il-bini Justus Lipsius ilu s-sede tal-Kunsill tal-UE u tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill sa mill-1995. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Nizza, beda jospita l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew fuq bażi proviżorja. Sa mill-bidu tal-2017, il-Kunsill tal-UE u l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew ġew ittrasferiti għall-bini l-ġdid Europa.

Il-bini Lex

Il-bini Lex ilu d-dar tas-servizz tat-traduzzjoni tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill mill-2007 'l hawn. Qabel, l-unitajiet kienu bbażati f’għadd ta’ binjiet madwar Brussell. Il-bini Lex jiġbor l-unitajiet lingwistiċi kollha taħt saqaf wieħed u jospita l-unitajiet il-ġodda li żdiedu bit-tkabbir tal-UE.

Il-bini Europa

Il-bini Europa jospita l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew, tal-Kunsill tal-UE u ta' korpi oħra ta' livell għoli. Dan ilu jopera sa mill-bidu tal-2017.

Binjiet oħra

Info Point Europa

Dan iċ-ċentru ta' informazzjoni għall-pubbliku hu mmexxi mill-Kunsill u l-Kummissjoni flimkien.

Ċentru Ewropew għall-Konvenzjonijiet (il-Lussemburgu)

Skont ir-regoli stabbiliti fit-Trattati, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiltaqa' fil-Lussemburgu f'April, f'Ġunju u f'Ottubru. Matul dawn ix-xhur, il-Kunsill jikri ċ-Ċentru Ewropew għall-Konvenzjonijiet mingħand il-gvern Lussemburgiż.

Neder-over-Hembeek

Dan hu l-maħżen ċentrali tas-Segretarjat Ġenerali, li jinsab fit-Tramuntana ta' Brussell. Għandu superfiċje ta' 4400 m2 f’sala waħda. Il-maħżen jinqasam ma’ istituzzjonijiet oħra tal-UE.