Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

Min jista' jagħmel żjara?

Għal gruppi ta' mill-inqas 20 ruħ, is-servizz taż-żjarat tagħna jorganizza żjarat bi kwalunkwe waħda mill-24 lingwa uffiċjali tal-UE. Iż-żjarat huma adatti għal:

  • adulti
  • gruppi ta' studenti li għandhom aktar minn 15-il sena

Ma nistgħux norganizzaw żjarat għal individwi jew gruppi ta’ inqas minn 20 ruħ. Madankollu, aħna niftħu l-bibien għall-pubbliku kull sena f’Mejju waqt il-Jum għall-Pubbliku tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Fiex tikkonsisti ż-żjara?

Is-sessjonijiet informattivi jistgħu jiġu organizzati fil-biċċa l-kbira tal-jiem ta' xogħol, bejn id-9:00 u l-11:00 jew bejn is-13:30 u l-16:00. Ma ssir l-ebda sessjoni informattiva matul ix-xahar ta' Awwissu.

Noffru tip wieħed biss ta' żjara - sessjonijiet informattivi. Normalment iż-żjarat idumu bejn siegħa u sagħtejn u jikkonsistu minn:

  • taħdita mogħtija minn uffiċjal tas-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill jew tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna
  • sessjoni ta' mistoqsijiet u tweġibiet

It-taħdita tista' tkun jew introduzzjoni ġenerali dwar il-Kunsill Ewropew u l-Kunsill jew preżentazzjoni dwar suġġett aktar speċifiku. Fuq talba, jistgħu jiġu organizzati wkoll seminars.

Kif tirriżerva żjara

Is-sessjonijiet informattivi għandhom jiġu riżervati tal-inqas 3 xhur qabel. Ladarba nirċievu t-talba tiegħek, nikkuntattjawk biex nikkonfermaw iż-żjara tiegħek.

Il-talba għandha ssir minn:

  • il-kap tal-grupp
  • rappreżentant tal-istabbiliment edukattiv jew il-korp tal-istudenti li għandu jakkumpanja wkoll il-grupp matul iż-żjara

Il-gruppi minn skejjel għandhom ikunu akkumpanjati minn tal-inqas adult wieħed għal kull għaxar studenti.

Niġbdu l-attenzjoni li s-servizz taż-żjarat jirriżerva d-dritt li jgħaqqad żewġ gruppi simili għal finijiet organizzattivi jew li jħassar żjara skedata li ma tissodisfax ir-rekwiżiti proċedurali.

F'ċirkostanzi eċċezzjonali, li jirriżultaw minn żviluppi politiċi jew laqgħat tal-Kunsill fl-aħħar mument, is-servizz taż-żjarat jista' jikkanċella żjarat li jkunu diġà ġew organizzati, anke b'avviż f'qasir żmien.

Il-bini tal-Kunsill huwa aċċessibbli għal persuni b'mobbiltà mnaqqsa.

Informazzjoni addizzjonali

Tel: +32 22812140

Ibgħat email

Fejn isiru ż-żjarat?

Il-bini Justus Lipsius

Rue de la Loi/Wetstraat 175

B-1048 Bruxelles/Brussel

Belġju

Il-bini Lex

Rue de la Loi/Wetstraat 145

B-1048 Bruxelles/Brussel

Belġju

Info Point Europa

Rue Archimède/Archimedesstraat 1

B-1048 Bruxelles/Brussel

Belġju

Is-sessjonijiet informattivi jsiru f'wieħed mill-binjiet tal-Kunsill fi Brussell:

  • il-bini Justus Lipsius
  • il-bini Lex
  • Info Point Europa

Niġbdu l-attenzjoni li mhuwiex possibbli żżur il-bini Europa matul iż-żjarat.

Il-kowċis li jġorru l-viżitaturi jistgħu jieqfu quddiem id-daħla prinċipali tal-bini Justus Lipsius biex iniżżluhom u jiġbruhom. Fil-viċinanzi hemm stazzjon ferrovjarju u tal-metro u stejġ għall-karozzi tal-linja.

Info Point Europa

Il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ċentru konġunt ta' informazzjoni u dokumentazzjoni li għandu uffiċċju tal-informazzjoni u joffri pubblikazzjonijiet bla ħlas. Iċ-ċentru Info Point Europa jinsab ħdejn il-kwartieri ġenerali tal-Kunsill u jiftaħ mit-Tnejn sal-Ġimgħa mid-9:00 sal-17:00.

Proċedura għall-ilmenti

Aħna nistinkaw biex noffru l-ogħla standards ta’ servizz.

F'każ li tqis li fil-kuntatti/korrispondenza tiegħek mas-servizzi tas-SĠK kont soġġett għal amministrazzjoni ħażina, nixtiequ ngħarrfuk li għandek id-dritt tippreżenta lment lill-Ombudsman Ewropew. Madankollu, qabel ma l-Ombudsman ikun jista’ jaċċetta lment mingħandek, jeħtieġ li l-ewwel tippreżenta l-ilment tiegħek lis-servizz tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ttratta t-talba inizjali tiegħek.

Sa fejn ikun possibbli u adatt, ser nagħmlu l-almu tagħna biex insibu rimedju għan-nuqqas ta' sodisfazzjoni tiegħek, dejjem skont kemm ikun possibbli u kif xieraq.

Kif tista' żżur l-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE?

Il-Kummissjoni Ewropea

Iċ-ċentru tal-viżitaturi tal-Kummissjoni Ewropea jilqa’ gruppi ta’ viżitaturi (minimu ta’ 15) għal preżentazzjonijiet u diskussjoni dwar ir-rwol tagħha bħala l-eżekuttiv politiku tal-Unjoni Ewropea. Iż-żjarat għandhom jiġu riżervati tal-inqas 10 ġimgħat minn qabel, u jistgħu jitfasslu skont l-għarfien u l-interessi tal-grupp.

Il-Parlament Ewropew

Il-Parlament Ewropew huwa l-qalba tad-demokrazija fl-Unjoni Ewropea. Żur mingħajr ħlas u skopri kif jaħdem il-Parlament Ewropew, dwar l-impatt tiegħu fuqek u kif wasalna għall-Ewropa tal-lum. Għal aktar informazzjoni ara s-sit elettroniku għaż-żjarat tal-Parlament Ewropew.

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Il-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni joffri preżentazzjonijiet interessanti lil gruppi ta’ viżitaturi (minimu ta’ 15-il persuna, ta' 'l fuq minn 14-il sena) dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa fit-tfassil tal-leġislazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Iż-żjarat għandhom jiġu riżervati tal-inqas 8 ġimgħat minn qabel.

Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Żur id-dar tas-soċjetà ċivili organizzata għal taħdita interattiva. Skopri t-tliet gruppi tiegħu - min iħaddem, il-ħaddiema u gruppi ta' interessi diversi (bħal organizzazzjonijiet professjonali, lokali u taż-żgħażagħ, gruppi tan-nisa, tal-konsumaturi, attivisti ambjentali) - u kif id-drittijiet tagħhom jinstemgħu fl-Unjoni Ewropea.