X'jagħmel il-Kunsill tal-UE?

1. Jinnegozja u jadotta l-liġijiet tal-UE

Il-Kunsill huwa entità deċiżjonali essenzjali tal-UE.

Huwa jinnegozja u jadotta atti leġislattivi, fil-parti l-kbira tal-każijiet flimkien mal-Parlament Ewropew permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja, magħrufa wkoll bħala l-'kodeċiżjoni'. Il-kodeċiżjoni tintuża għall-oqsma ta' politika fejn l-UE għandha kompetenza esklużiva jew kondiviża mal-istati membri. F'dawn il-każijiet, il-Kunsill jilleġisla abbażi ta' proposti li tippreżentalu l-Kummissjoni Ewropea.

2. Jikkoordina l-politiki tal-istati membri

Il-Kunsill huwa responsabbli għall-koordinazzjoni tal-politiki tal-istati membri f'oqsma speċifiċi, bħal:

  • politiki ekonomiċi u fiskali: Il-Kunsill jikkoordina l-politiki ekonomiċi u fiskali tal-istati membri biex isaħħaħ il-governanza ekonomika fl-UE, jissorvelja l-politiki baġitarji tagħhom u jsaħħaħ il-qafas fiskali tal-UE, u jittratta wkoll l-aspetti legali u prattiċi tal-euro, is-swieq finanzjarji u l-moviment tal-kapital
  • edukazzjoni, kultura, żgħażagħ u sport: Il-Kunsill jadotta oqfsa ta' politika u pjanijiet ta' ħidma tal-UE f'dawn l-oqsma li jistabbilixxu l-prijoritajiet għall-kooperazzjoni bejn l-istati membri u l-Kummissjoni
  • politika tal-impjiegi:  Il-Kunsill ifassal linji gwida u rakkomandazzjonijiet annwali għall-istati membri, ibbażati fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew dwar is-sitwazzjoni tal-impjiegi tal-UE

3. Jiżviluppa l-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE

Il-Kunsill jiddefinixxi u jimplimenta l-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE abbażi ta' linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew. Dan jinkludi wkoll l-għajnuna għall-iżvilupp u dik umanitarja tal-UE, id-difiża u l-kummerċ. Flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, il-Kunsill jiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effikaċja tal-azzjoni esterna tal-UE. 

4. Jikkonkludi ftehimiet internazzjonali

Il-Kunsill jipprovdi l-mandat lill-Kummissjoni biex tinnegozja f'isem l-UE ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi li mhumiex fl-UE u organizzazzjonijiet internazzjonali. Fl-aħħar tan-negozjati, il-Kunsill jieħu deċiżjoni dwar l-iffirmar u l-konklużjoni tal-ftehim, ibbażata fuq proposta mill-Kummissjoni. Il-Kunsill jadotta wkoll id-deċiżjoni finali biex jiġi konkluż il-ftehim, ladarba l-Parlament ikun ta l-kunsens tiegħu (meħtieġ f'oqsma soġġetti għall-kodeċiżjoni) u l-ftehim ikun ġie rratifikat mill-istati membri kollha tal-UE.

Dawn il-ftehimiet jistgħu jkopru oqsma wesgħin, bħall-kummerċ, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp, jew jistgħu jittrattaw suġġetti speċifiċi bħat-tessuti, is-sajd, il-dwana, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija, eċċ. 

5. Jadotta l-baġit tal-UE

Il-Kunsill jadotta l-baġit tal-UE flimkien mal-Parlament.

Il-perijodu tal-baġit ikopri sena kalendarja. Is-soltu dan jiġi adottat f'Diċembru u jibda jitħaddem fl-1 ta' Jannar tas-sena ta' wara.