Konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet tal-Kunsill

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill tal-UE jinnegozja u jadotta mhux atti legali biss iżda wkoll dokumenti bħal konklużjonijiet, riżoluzzjonijiet u dikjarazzjonijiet, li mhumiex maħsuba li jkollhom effetti legali. Il-Kunsill juża dawn id-dokumenti biex jesprimi pożizzjoni politika dwar suġġett relatat mal-oqsma ta’ attività tal-UE. Dawn it-tipi ta’ dokumenti jistabbilixxu biss impenji jew pożizzjonijiet politiċi - dawn ma jinsabux fit-trattati. Għaldaqstant, mhumiex legalment vinkolanti.

L-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE għandhom modi simili biex jesprimu l-pożizzjoni tagħhom. Pereżempju, il-Kummissjoni tippubblika green papers biex tippromwovi diskussjoni dwar suġġetti fil-livell tal-UE. Green paper tistieden organizzazzjonijiet jew individwi rilevanti biex jiddiskutu l-proposti tal-Kummissjoni, li aktar tard jistgħu jsiru atti leġislattivi. Il-Parlament jista’ jabbozza wkoll riżoluzzjonijiet u rakkomandazzjonijiet dwar kwistjonijiet li jaqgħu fi ħdan il-kompetenzi tal-UE.

Konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet 

Il-konklużjonijiet tal-Kunsill jiġu adottati wara dibattitu fil-laqgħa tal-Kunsill. Dawn jistgħu jittrattaw pożizzjoni politika dwar suġġett speċifiku. Huwa importanti li wieħed jiddistingwi bejn konklużjonijiet tal-Kunsill u konklużjonijiet tal-Presidenza. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill huma maħruġa mill-Kunsill filwaqt li l-konklużjonijiet tal-Presidenza jesprimu biss il-pożizzjoni tal-Presidenza u ma jinvolvux lill-Kunsill.

Ir-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill normalment jistabbilixxu ħidma futura prevista f’xi qasam ta’ politika speċifiku. Dawn ma għandhom ebda effett legali iżda jistgħu jistiednu lill-Kummissjoni biex tagħmel proposta jew tieħu azzjoni ulterjuri. Jekk ir-riżoluzzjoni tkopri qasam li mhuwiex kompletament qasam ta’ kompetenza tal-UE, dan jieħu l-forma ta’ 'riżoluzzjoni tal-Kunsill u tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-Istati Membri'.

Tipi ewlenin ta’ konklużjonijiet u riżoluzzjonijiet adottati mill-Kunsill 

Il-konklużjonijiet u r-riżoluzzjonijiet jintużaw għal finijiet differenti, bħal:

  • biex stat membru jew istituzzjoni oħra tal-UE tiġi mistiedna tieħu azzjoni dwar kwistjoni speċifika. Dawn il-konklużjonijiet huma spiss adottati f’oqsma fejn l-UE għandha l-kompetenza li tappoġġa, tikkoordina u tissupplimenta, pereżempju fis-saħħa jew il-kultura.

  • biex il-Kummissjoni tintalab tħejji proposta dwar suġġett speċifiku. Dan huwa ssottolinjat fl-Artikolu 241 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).

  • biex jiġu kkoordinati l-azzjonijiet tal-Istati Membri. Dawn il-konklużjonijiet jintużaw f’każijiet fejn il-Kunsill ikun qiegħed iwettaq objettiv ta’ politika permezz ta’ proċess ta’ koordinazzjoni li mhux vinkolanti. F’dawn iċ-ċirkostanzi, il-konklużjonijiet jew ir-riżoluzzjonijiet jiġu abbozzati biex jiġu stabbiliti objettivi jew biex jiġi vvalutat il-progress.

  • biex tiġi stabbilita, fi ħdan il-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), il-pożizzjoni tal-UE rigward avveniment partikolari jew pajjiż. Dawn jesprimu pożizzjoni politika jew jevalwaw avveniment internazzjonali f’isem l-UE.

  • biex tiġi stabbilita pożizzjoni kkoordinata bejn l-UE u l-Istati Membri tagħha f’organizzazzjonijiet internazzjonali. Pereżempju, il-Kunsill jista’ jabbozza konklużjonijiet bil-ħsieb tal-parteċipazzjoni tal-UE f’fora internazzjonali.

  • biex isiru kummenti u jingħataw soluzzjonijiet possibbli għall-problemi identifikati f’rapporti speċjali mill-Qorti tal-Awdituri

Kif jaħdem? 

Coreper

Il-Coreper iħejji l-ħidma tal-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill u huwa maqsum f’żewġ partijiet: Coreper I u Coreper II.

Qabel jiġu adottati, il-konklużjonijiet jgħaddu minn tliet livelli fil-Kunsill:

  • grupp ta' ħidma
  • Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper)
  • Konfigurazzjoni tal-Kunsill
  1. Qabel jitfassal abbozz ta’ test ta’ konklużjonijiet, il-Presidenza xi drabi tippreżenta dokument ta’ diskussjoni biex il-kwistjoni tiġi segwita fil-livell ta’ grupp ta’ ħidma. 
  2. Abbażi tad-diskussjoni, il-Presidenza tal-Kunsill, ġeneralment assistita mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill (SĠK), tfassal abbozz ta’ test ta’ konklużjonijiet. Ir-responsabbiltà politika għall-abbozz taqa' f’idejn il-Presidenza.
  3. Il-grupp ta’ ħidma jiltaqa’ diversi drabi biex jeżamina d-dokument. Id-diskussjoni finali fil-livell tal-grupp ta’ ħidma ssir madwar 7-14-il jum qabel il-konklużjonijiet jintbagħtu lill-Coreper għal konsiderazzjoni ulterjuri.
  4. Il-Coreper jeżamina d-dokument madwar ġimagħtejn qabel il-laqgħa tal-Kunsill, u jfittex li jsolvi kwalunkwe problema pendenti.
  5. Wara, il-konfigurazzjoni tal-Kunsill ikkonċernata tadotta t-test. Il-konklużjonijiet tal-Kunsill għandhom jiġu adottati b’kunsens bejn l-Istati Membri kollha. Jekk il-ministri ma jaqblux mat-test, xorta jistgħu jsiru emendi.
  6. F’każijiet eċċezzjonali, jista' jkun li l-Kunsill ma jaqbilx mal-konklużjonijiet. F’każijiet bħal dawn, it-test xi kultant jiġi adottat bħala 'konklużjonijiet tal-Presidenza' li ma jkunx jitlob il-qbil tal-Istati Membri.