Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Il-Kunsill tal-UE huwa entità legali waħda, iżda jiltaqa' f'10 'konfigurazzjonijiet' differenti, skont is-suġġett li jkun qed jiġi diskuss.

Ma hemm ebda ġerarkija fost il-konfigurazzjonijiet tal-Kunsill, għalkemm il- Kunsill Affarijiet Ġenerali għandu rwol speċjali ta' koordinazzjoni u huwa responsabbli għall-materji istituzzjonali, amministrattivi u orizzontali. Il- Kunsill Affarijiet Barranin ukoll għandu  mandat speċjali.

Kwalunkwe waħda mill-10 konfigurazzjonijiet tal-Kunsill tista' tadotta att li jaqa' fl-ambitu ta' konfigurazzjoni oħra. Għalhekk, ma ssir l-ebda referenza għall-konfigurazzjoni meta l-Kunsill jadotta att leġislattiv.

Laqgħat tal-Kunsill

Rappreżentanti minn kull stat membru jattendu l-laqgħat tal-Kunsill f'livell ministerjali. Għalhekk, il-parteċipanti jistgħu jkunu ministri jew segretarji tal-istat. Għandhom id-dritt li jikkommettu lill-gvern ta' pajjiżhom u jivvutaw f'ismu. Il-Kummissarji Ewropej responsabbli mill-oqsma kkonċernati jiġu wkoll mistiedna għal-laqgħat tal-Kunsill. Il-Bank Ċentrali Ewropew jiġi mistieden meta tkun inbdiet il-proċedura leġislattiva.

Sistema ta' votazzjoni

Il-metodu standard ta' votazzjoni tal-Kunsill huwa b'maġġoranza kwalifikata, li jintuża f'madwar 80% tal-leġislazzjoni tal-UE

Il-laqgħat huma ppreseduti mill-ministru tal-istat membru li jkollu l-presidenza ta' kull 6 xhur tal-Kunsill. Il-Kunsill Affarijiet Barranin huwa l-eċċezzjoni, u normalment huwa ppresedut mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta' maġġoranza sempliċi, maġġoranza kwalifikata jew vot unanimu, skont id-deċiżjoni li jeħtieġ li tittieħed.

Il-Kunsill jista' jivvota biss jekk tkun preżenti maġġoranza tal-membri tiegħu. 

Sessjonijiet pubbliċi

Il-Kunsill jiltaqa' f'sessjoni pubblika meta jiddiskuti jew jivvota dwar proposta għal att leġislattiv. F'dawn il-każijiet, l-aġenda tal-laqgħa tinkludi parti għal 'deliberazzjoni leġislattiva'. L-ewwel deliberazzjoni dwar proposti importanti mhux leġislattivi hija pubblika wkoll.

Barra minn hekk, il-Kunsill jorganizza dibattiti pubbliċi b'mod regolari dwar kwistjonijiet importanti li jaffettwaw l-interessi tal-UE u ċ-ċittadini tagħha. Id-dibattitu dwar il-programm ta' 18-il xahar tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali, kif ukoll il-prijoritajiet tal-konfigurazzjonijiet l-oħra tal-Kunsill, u d-dibattitu dwar il-programm ta' 5 snin tal-Kummissjoni, huma pubbliċi.