Konfigurazzjoni tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd (AGRIFISH)

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill Agrikoltura u Sajd jadotta leġislazzjoni f'għadd ta' oqsma relatati mal-produzzjoni tal-ikel, l-iżvilupp rurali u l-ġestjoni tas-sajd.

Kif jaħdem il-Kunsill Agrikoltura u Sajd?

Il-Kunsill AGRIFISH ilaqqa' flimkien ministri minn kull stat membru tal-UE. Il-biċċa l-kbira tal-istati membri huma rrappreżentati minn ministru wieħed għaż-żewġ setturi, għalkemm uħud jibagħtu żewġ ministri - wieħed għall-agrikoltura u ieħor għas-sajd.

Il-Kummissarju Ewropew għall-agrikoltura u l-iżvilupp rurali jew il-Kummissarju Ewropew għall-affarijiet marittimi u s-sajd ukoll jieħu sehem fil-laqgħat.

Il-laqgħat normalment isiru darba fix-xahar.

Dwar il-politika tal-agrikoltura u s-sajd

Il-Kunsill jadotta leġislazzjoni, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet flimkien mal-Parlament Ewropew, f'għadd ta' oqsma relatati mal-produzzjoni tal-ikel, l-iżvilupp rurali u l-ġestjoni tas-sajd.

L-oqsma taħt il-politika agrikola jinkludu l-Politika Agrikola Komuni (PAK), ir-regoli dwar is-suq intern għall-agrikoltura, il-forestrija, il-produzzjoni organika, il-kwalità tal-produzzjoni u s-sikurezza tal-ikel u tal-għalf tal-annimali. Il-miżuri relatati mal-PAK għandhom l-għan li jżidu l-produttività agrikola, jiżguraw livell ġust ta' għajxien għall-komunità agrikola, jistabbilizzaw is-swieq, jassiguraw id-disponibbiltà tal-provvisti u jiżguraw li l-provvisti jaslu għand il-konsumaturi bi prezzijiet raġonevoli.

Il-Kunsill jadotta wkoll leġislazzjoni dwar il-politika tas-sajd, l-istabbiliment tal-Qabdiet Totali Permissibbli (TACs) u l-kwoti għal kull speċi, għal kull sena, u dwar l-allokazzjoni tal-opportunitajiet tas-sajd. Waħda mill-isfidi ewlenin hija li s-sajd isir aktar sostenibbli għall-ambjent u aktar vijabbli ekonomikament, filwaqt li jiġu indirizzati kwistjonijiet bħall-eċċessi fis-sajd u fil-kapaċità tal-flotot.

Prijoritajiet tal-Kunsill Agrikoltura u Sajd matul il-presidenza Estonjana

Agrikoltura

Fil-qasam tal-agrikoltura, is-suġġett ewlieni tal-presidenza Estonjana huwa l-futur tal-Politika Agrikola Komuni (PAK). Il-presidenza ser tenfasizza s-simplifikazzjoni tal-PAK, l-aktar fil-kuntest tar-Regolament Omnibus.

Il-presidenza għandha l-għan ukoll li:

  • tiżgura s-sostenibbiltà u l-kompetittività tal-agrikoltura tal-UE
  • issaħħaħ il-pożizzjoni tal-produtturi fil-katina tal-provvista tal-ikel
  • tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra r-reżistenza għall-antimikrobiċi
  • tagħti prijorità lill-ippjanar ta’ kontinġenza fil-qasam tas-saħħa tal-pjanti

Ser tingħata attenzjoni partikolari wkoll lill-użu sostenibbli tal-ħamrija agrikola. F'Ottubru għandha ssir konferenza ta’ livell għoli f’Tallinn, “Ħamrija għal produzzjoni sostenibbli tal-ikel u servizzi tal-ekosistema”.

Il-presidenza Estonjana qed taħdem favur politika ta’ kummerċ miftuħ u għal ftehimiet kummerċjali u ser tħejji biex tikseb approvazzjoni għall-pożizzjonijiet tal-UE f’organizzazzjonijiet internazzjonali.

Il-presidenza ser tippromwovi wkoll diskussjonijiet dwar kif jiġu implimentati soluzzjonijiet diġitali għal miżuri effettivi ta’ kontroll. Ser tiġi organizzata konferenza, f’kooperazzjoni mal-Kummissjoni Ewropea, biex tiġi diskussa s-Sistema ta' Ġestjoni tal-Informazzjoni għall-Kontrolli Uffiċjali (IMSOC).

Sajd

Għas-sajd, il-presidenza Estonjana tagħti prijorità lir-regolamenti dwar il-kwoti, peress li dawn iridu jiġu adottati sal-2018.

Il-presidenza għandha l-għan li tadotta:

  • l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar Baltiku
  • l-opportunitajiet tas-sajd fil-Baħar l-Iswed
  • opportunitajiet tas-sajd fl-ilmijiet tal-UE u aktar lil hinn

L-għan tal-Politika Komuni tas-Sajd huwa li jinkiseb ir-rendiment massimu sostenibbli sal-2020.

Il-presidenza għandha l-għan li tikseb progress f’oqsma oħra, bħall-pjanijiet ta’ ġestjoni, billi tipprova tilħaq approċċ ġenerali fejn ikun possibbli. Hija qed taħdem sabiex jerġgħu jibdew id-diskussjonijiet dwar il-pjan ta’ ġestjoni multiannwali għas-salamun tal-Baħar Baltiku.

Matul din il-presidenza biħsiebha tmexxi ’l quddiem il-ħidma fuq il-pjan ta’ ġestjoni għall-Baħar tat-Tramuntana u r-regolament qafas dwar il-miżuri tekniċi u possibbilment il-proposta dwar il-ġestjoni sostenibbli tal-flotta tas-sajd esterna.

Il-presidenza Estonjana qed tippjana wkoll li tiftaħ diskussjonijiet dwar il-futur tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (FEMS) billi torganizza konferenza mal-Kummissjoni Ewropea.