Konfigurazzjoni tal-Kunsill Kompetittività (COMPET)

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill Kompetittività jaħdem biex titjieb il-kompetittività u jiżdied it-tkabbir fl-UE. Huwa jittratta erba’ oqsma ta' politika ewlenin: is-suq intern, l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni u l-ispazju.

Kif jaħdem il-Kunsill Kompetittività?

Skont l-aġenda, il-Kunsill Kompetittività jlaqqa' flimkien il-ministri responsabbli għall-kummerċ, l-ekonomija, l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-ispazju mill-istati membri kollha. Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

Il-laqgħat isiru mill-anqas erba’ darbiet fis-sena.

Dwar il-politika tal-kompetittività tal-Ewropa

Fir-rwol tiegħu ta' tfassil tal-politika, il-Kunsill ifittex li jagħti spinta lill-kompetittività tal-UE u lit-tkabbir. Meta jagħmel dan, huwa jkopri diversi oqsma ta’ politika varji bħas-suq intern, l-industrija, ir-riċerka u l-innovazzjoni, u l-ispazju.

Fis-suq intern, il-Kunsill bħala leġislatur jaħdem biex jitneħħew l-ostakoli li jxekklu ċ-ċirkolazzjoni transkonfinali ta’ prodotti, ħaddiema, kapital u servizzi.

Fil-qasam tal-industrija, il-Kunsill jgħaqqad approċċ orizzontali, li għandu l-għan li jintegra l-interessi tal-politika industrijali fil-politiki relatati l-oħra kollha tal-UE, ma' approċċ speċifiku għas-setturi li jagħti attenzjoni lill-ħtiġijiet speċjali ta’ kull settur.

Il-Kunsill jaħdem biex itejjeb l-ambjent tan-negozju, speċjalment għall-SMEs. Dan jagħmlu permezz ta' koleġislazzjoni rigward miżuri speċifiċi mmirati lejn l-SMEs, bħat-titjib tal-aċċess għall-finanzjament, it-tnaqqis tal-burokrazija u t-trawwim tal-innovazzjoni.

Fir-rigward tar-riċerka, l-innovazzjoni u l-ispazju, il-Kunsill għandu l-għan li jsaħħaħ il-bażi xjentifika u teknoloġika tal-industrija Ewropea u b’hekk isaħħaħ il-kompetittività internazzjonali tagħha u jagħti spinta lit-tkabbir u l-impjiegi. Huwa qed jaħdem ukoll mal-Aġenzija Spazjali Ewropea biex jiżviluppa politika Ewropea dwar l-ispazju.

Prijoritajiet tal-presidenza Estonjana

Il-presidenza Estonjana beħsiebha tiffinalizza l-approvazzjoni tar-regolament dwar l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat fi ħdan is-suq uniku. Beħsiebha wkoll tibda d-diskussjoni inizjali dwar il-pakkett ta’ riforma fid-dritt soċjetarju.

Fil-qasam tal-armonizzazzjoni teknika, il-presidenza Estonjana ser taħdem fuq il-proposta dwar l-approvazzjoni tat-tip u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur.

Il-presidenza Estonjana ser tikkonċentra fuq it-tieni pakkett ta’ riforma tad-drittijiet tal-awtur. Ser tippromwovi wkoll l-integrazzjoni tal-politika industrijali fl-inizjattivi strateġiċi tal-UE u tmexxi diskussjonijiet biex titwitta t-triq għat-tisħiħ tal-industrija tal-UE u tiżdied il-kompetittività.

Rigward ir-riċerka, is-suġġett ta’ prijorità tal-Presidenza Estonjana huwa l-valutazzjoni interim tal-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-Unjoni Ewropea - Orizzont 2020. Hija ser tikkontribwixxi għad-diskussjonijiet dwar il-futur tal-programm spazjali tal-UE Copernicus.