Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji huwa responsabbli għall-politika tal-UE fi tliet oqsma prinċipali: il-politika ekonomika, kwistjonijiet ta' tassazzjoni u r-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji.

Kif jaħdem l-Ecofin?

Il-Kunsill Ecofin huwa magħmul mill-ministri għall-ekonomija u l-finanzi tal-istati membri kollha. Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

Hemm ukoll sessjonijiet speċifiċi tal-Ecofin, li jkunu preżenti għalihom il-ministri għall-baġits nazzjonali u l-Kummissarju Ewropew għall-ipprogrammar finanzjarju u l-baġit, sabiex jitħejja l-baġit annwali tal-UE.

Il-laqgħat tal-Ecofin ġeneralment isiru darba fix-xahar.

Dwar il-politika tal-affarijiet ekonomiċi u finanzjarji

Grupp tal-Euro

Il-Grupp tal-Euro - korp informali li jlaqqa' flimkien il-ministri taż-żona tal-euro biex jiddiskutu kwistjonijiet marbuta mal-euro

Il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, komunement magħruf bħala l-Kunsill Ecofin, huwa responsabbli għall-politika ekonomika, kwistjonijiet ta' tassazzjoni, is-swieq finanzjarji u l-moviment ta' kapital, u r-relazzjonijiet ekonomiċi ma' pajjiżi barra mill-UE.

Huwa jħejji wkoll il-baġit annwali tal-UE u jieħu ħsieb l-aspetti legali u prattiċi tal-munita unika, l-euro.

Il-Kunsill Ecofin jikkoordina l-politiki ekonomiċi tal-istati membri, iżid il-konverġenza tal-prestazzjoni ekonomika tagħhom u jimmonitorja l-politiki baġitarji tagħhom.

Huwa jikkoordina wkoll il-pożizzjonijiet tal-UE għal laqgħat internazzjonali, bħall-G20, il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-Bank Dinji. Huwa wkoll responsabbli għall-aspetti finanzjarji tan-negozjati internazzjonali dwar miżuri għall-indirizzar tat-tibdil fil-klima.

Prijoritajiet tal-presidenza Estonjana

Il-presidenza Estonjana ser tiffoka fuq il-modernizzazzjoni tas-sistema tal-VAT. Hija ser taħdem biex tikseb qbil politiku dwar l-abbozz ta’ leġislazzjoni dwar il-pubblikazzjonijiet elettroniċi u l-mekkaniżmu ġenerali tar-reverse charge. Barra minn hekk, ser tfittex qbil dwar l-elementi prinċipali tal-proposta dwar il-VAT għall-kummerċ elettroniku. Il-presidenza ser tibda wkoll diskussjonijiet dwar il-proposti rigward is-sistema definita tal-VAT u r-rati mnaqqsa.

Il-presidenza Estonjana biħsiebha twettaq analiżi tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-pjan ta' azzjoni dwar l-unjoni tas-swieq kapitali ppreżentat mill-Kummissjoni, u tħejji l-konklużjonijiet tal-Kunsill.

Filwaqt li tmexxi 'l quddiem bil-pakkett dwar it-tnaqqis tar-riskji, il-presidenza Estonjana ser twitti wkoll it-triq għall-istabbiliment tas-sistema tal-assigurazzjoni tad-depożiti. Hija għandha l-għan li tilħaq ftehim politiku mal-Parlament Ewropew rigward il-kwistjonijiet l-aktar urġenti tal-pakkett dwar it-tnaqqis tar-riskji. Rigward il-partijiet l-oħra tal-pakkett, l-għan tal-presidenza hu li tikseb approċċ ġenerali fil-Kunsill. Matul il-presidenza tagħha, l-Estonja ser tkompli taħdem fuq l-abbozz tas-sistema Ewropea tal-assigurazzjoni tad-depożiti.

Il-presidenza Estonjana ser tagħti wkoll attenzjoni lill-proposti li jirriżultaw mir-rieżami tar-regolament dwar id-derivattivi OTC, il-kontropartijiet ċentrali u r-repożitorji tat-tranżazzjonijiet. Hija ser tmexxi 'l quddiem il-proposta dwar id-divulgazzjoni ta' skemi ta' evitar tat-taxxa lil intermedjarji finanzjarji u biħsiebha taħdem fuq il-lista komuni tal-UE ta' pajjiżi terzi li ma jikkooperawx.

Rigward il-baġit tal-UE għall-2018, il-presidenza Estonjana biħsiebha tikseb ftehim komprensiv u f'waqtu li jqis il-bżonnijiet tal-UE u jiżgura l-implimentazzjoni tal-politiki.

F'kooperazzjoni mal-presidenza li jmiss Bulgara, il-presidenza Estonjana ser tistabbilixxi l-kalendarju tal-politika ekonomika għaċ-ċiklu li jmiss tas-Semestru Ewropew.