Konfigurazzjoni tal-Kunsill Ambjent (ENVI)

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill Ambjent huwa responsabbli għall-politika tal-UE dwar l-ambjent, inkluż il-protezzjoni ambjentali, l-użu prudenti tar-riżorsi u l-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem. Huwa jittratta wkoll kwistjonijiet ambjentali internazzjonali, b'mod partikolari fil-qasam tat-tibdil fil-klima.

Kif jaħdem il-Kunsill Ambjent?

Il-Kunsill Ambjent huwa magħmul mill-ministri responsabbli għal kwistjonijiet relatati b'mod speċifiku mal-ambjent. Il-Kummissjoni Ewropea hija rappreżentata fil-laqgħat kemm mill-Kummissarju għall-ambjent kif ukoll mill-Kummissarju għall-azzjoni klimatika.

Isiru madwar erba' laqgħat tal-Kunsill Ambjent fis-sena.

Dwar il-politika ambjentali

Fir-rwol tiegħu ta' tfassil tal-politika, il-Kunsill huwa responsabbli għall-adozzjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew, ta' leġislazzjoni ambjentali ambizzjuża li tipproteġi ħabitats naturali, iżżomm l-arja u l-ilma nodfa, tiżgura r-rimi tal-iskart kif suppost, ittejjeb l-għarfien dwar sustanzi kimiċi tossiċi u tgħin lin-negozji jimxu lejn ekonomija sostenibbli.

Huwa jiżgura wkoll li l-aspetti ambjentali jiġu integrati kif suppost f'politiki oħra tal-UE, bħall-industrija, l-agrikoltura, it-trasport, l-enerġija u s-servizzi.

Fil-livell internazzjonali, l-UE u l-istati membri tagħha jistinkaw biex jiżguraw li l-istandards ambjentali tal-UE jiġu riflessi fi ftehimiet internazzjonali dwar l-ambjent u t-tibdil fil-klima. F’dan ir-rigward, il-Kunsill hu responsabbli għat-tħejjija tal-pożizzjonijiet tal-UE għal konferenzi internazzjonali u negozjati dwar it-tibdil fil-klima.

Prijoritajiet tal-presidenza Estonjana

L-aġenda tal-Kunsill Ambjent taħt il-presidenza Estonjana ser tiffoka fuq inizjattivi skont il-qafas tal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli. L-enfasi ewlenija ser tkun fuq in-negozjati dwar il-proposti leġislattivi, li ser jimplementaw l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima: id-Direttiva dwar l-ETS, ir-regolament ESR, ir-regolament LULUCF u l-proposta tal-ETS għall-avjazzjoni.

Il-presidenza ser tipprova wkoll tikseb progress fin-negozjati dwar proposti inklużi fil-pakkett dwar l-ekonomija ċirkolari.