Konfigurazzjoni tal-Kunsill Impjiegi, Politika Soċjali, Saħħa u Affarijiet tal-Konsumatur (EPSCO)

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill EPSCO jaħdem biex jiżdiedu l-impjiegi u jittejbu l-kondizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol, sabiex jiġi żgurat livell għoli ta' saħħa tal-bniedem u protezzjoni tal-konsumatur fl-UE.

Kif jaħdem il-Kunsill EPSCO?

Il-Kunsill EPSCO jlaqqa' flimkien il-ministri responsabbli għall-impjiegi, l-affarijiet soċjali, is-saħħa u l-politika dwar il-konsumatur mill-istati membri kollha tal-UE. Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

Normalment isiru erba' laqgħat tal-EPSCO fis-sena. Tnejn minn dawn il-laqgħat ikunu ġeneralment iddedikati esklużivament għal temi relatati mal-impjiegi u l-politika soċjali.

Dwar l-impjiegi, il-politika soċjali, tas-saħħa u tal-affarijiet tal-konsumatur

L-objettiv ġenerali tal-azzjoni tal-UE huwa li jgħolli l-istandard ta' għajxien u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha, b'mod partikolari permezz ta’ impjiegi ta’ kwalità għolja u livell għoli ta’ protezzjoni soċjali u tas-saħħa u l-protezzjoni tal-interessi tal-konsumaturi.

Fl-oqsma tal-impjiegi u l-politika soċjali, il-Kunsill huwa responsabbli għat-tfassil ta’ linji gwida annwali dwar l-impjiegi li l-istati membri jikkunsidraw fil-politiki nazzjonali tagħhom. Huwa jadotta wkoll il-leġislazzjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew, bl-għan li jtejjeb il-kondizzjonijiet tax-xogħol, l-inklużjoni soċjali u l-ugwaljanza bejn is-sessi.

Filwaqt li l-istati membri għandhom ir-responsabbiltà sħiħa għad-definizzjoni tal-politiki tagħhom dwar is-saħħa u għall-organizzazzjoni u l-għoti ta’ kura tas-saħħa, il-Kunsill jadotta, flimkien mal-Parlament Ewropew, il-leġislazzjoni dwar il-kwalità u s-sikurezza tal-organi umani u d-demm, id-drittijiet tal-pazjenti fil-kura tas-saħħa transkonfinali u l-kwalità u s-sikurezza tal-mediċini u l-apparat mediku.

Fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur, il-Kunsill jadotta, flimkien mal-Parlament Ewropew, regoli li japplikaw għall-UE kollha biex jipproteġu s-saħħa u s-sikurezza tal-konsumaturi, kif ukoll l-interessi ekonomiċi tagħhom.

Prijoritajiet tal-presidenza Estonjana

Il-presidenza Estonjana tilqa' l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pilastru Ewropew tad-drittijiet soċjali. Hi beħsiebha tavvanza d-diskussjoni dwar l-approvazzjoni tal-pilastru fuq livell politiku fil-Kunsill.

Il-presidenza Estonjana ser tkompli l-ħidma fuq l-aġġornament u s-simplifikazzjoni tar-regolamenti dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali. Sabiex ikun possibbli għan-nies li jirċievu l-benefiċċji tagħhom aktar malajr meta jiċċaqilqu bejn l-istati membri, il-presidenza tippjana li taħdem fuq l-iskambju elettroniku ta' data dwar is-sigurtà soċjali bejn l-istati membri.

Il-presidenza għandha wkoll l-għan li jkollha negozjati ta' suċċess dwar id-direttiva dwar l-istazzjonar ta' ħaddiema.

Sabiex jitnaqqas l-esponiment għal sustanzi karċinoġeni f'ambjenti tax-xogħol, il-presidenza tqis li huwa importanti li jiġu stabbiliti valuri limitu għal aktar sustanzi perikolużi fl-UE. Għaldaqstant, beħsiebha temenda d-direttiva dwar il-karċinoġeni u l-mutaġeni bħala waħda mill-prijoritajiet tal-presidenza.

Fir-rigward tas-saħħa, il-presidenza Estonjana għandha l-għan li tiżviluppa aktar id-diskussjoni bejn l-istati membri dwar it-tnaqqis tal-ħsara kkawżata mill-alkoħol. Sabiex jinħolqu l-prekondizzjonijiet meħtieġa għal użu aktar mifrux u għall-moviment transkonfinali tad-data dwar is-saħħa, għal finijiet ta' trattament, u għar-riċerka u l-innovazzjoni, il-presidenza tqis li huwa importanti li jiġu implimentati l-prinċipji tas-suq uniku diġitali fis-settur tas-saħħa.