Konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Barranin (KAB)

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill Affarijiet Barranin hu responsabbli għall-azzjoni esterna tal-UE, li tinkludi l-politika barranija, id-difiża u s-sigurtà, il-kummerċ, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-għajnuna umanitarja.

Kif jaħdem il-Kunsill Affarijiet Barranin?

Il-Kunsill Affarijiet Barranin huwa magħmul mill-ministri għall-affarijiet barranin mill-istati membri kollha tal-UE. Skont l-aġenda, il-Kunsill ilaqqa' wkoll:

  • il-ministri għad-difiża (politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni)
  • il-ministri għall-iżvilupp (kooperazzjoni għall-iżvilupp)
  • il-ministri għall-kummerċ (politika kummerċjali komuni)

Il-laqgħat tal-Kunsill Affarijiet Barranin huma ppreseduti mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, attwalment Federica Mogherini. Ir-Rappreżentant Għoli hija assistita mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE).

Madankollu, meta l-KAB jiddiskuti kwistjonijiet ta' politika kummerċjali komuni, ikun ippresedut mir-rappreżentant tal-istat membru tal-UE li jkollu l-presidenza ta' sitt xhur tal-Kunsill tal-UE.

Il-Kunsill Affarijiet Barranin jiltaqa' darba fix-xahar.

Dwar il-politika għall-affarijiet barranin

Flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u bl-għajnuna tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, ir-rwol prinċipali tal-Kunsill huwa li jiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni esterna tal-UE.

Huwa jiddefinixxi u jimplimenta wkoll il-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, li hija bbażata fuq il-linji gwida stabbiliti mill-Kunsill Ewropew. B'mod partikolari, il-Kunsill jista' jniedi azzjonijiet tal-UE ta' maniġġar ta' kriżijiet, kemm ċivili kif ukoll militari, biex jitwettqu l-objettivi tal-UE ta' paċi u sigurtà. Huwa jista’ jadotta wkoll miżuri meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-politika barranija u ta' sigurtà tal-UE, inklużi sanzjonijiet possibbli.

Billi hija kompetenza esklussiva tal-UE, il-Kunsill jadotta miżuri li jimplimentaw il-politika kummerċjali komuni tal-UE flimkien mal-Parlament Ewropew. Din tinkludi r-relazzjonijiet kummerċjali u ta' investiment, id-drittijiet ta' proprjetà intellettwali u l-investiment dirett barrani. Fil-politika kummerċjali, il-Kummissjoni hija responsabbli min-negozjati u l-ġestjoni tal-ftehimiet kummerċjali li jinvolvu l-emendi ta' tariffi, id-dispożizzjonijiet doganali u kummerċjali u l-miżuri protettivi. Madankollu, il-Kunsill għandu rwol ċentrali peress li jagħti mandat lill-Kummissjoni biex tibda n-negozjati u jagħti direttivi ta' negozjati lill-Kummissjoni.

Prijoritajiet tal-presidenza Estonjana

Il-presidenza ser tkompli l-proċess tal-implimentazzjoni tal-objettivi tal-politika Ewropea tal-viċinat.

B'mod partikolari, ser tfittex li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet mas-sitt pajjiżi sħab tas-Sħubija tal-Lvant. Is-summit li jmiss tas-Sħubija tal-Lvant ser isir matul il-presidenza Estonjana, fl-24 ta' Novembru 2017.

Rigward il-viċinat tan-Nofsinhar tal-UE, ser tiġi intensifikata l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ekonomija u s-sigurtà.

Ir-relazzjonijiet transatlantiċi mill-qrib jibqgħu importanti. Il-Kunsill ser jimmira għal djalogu kontinwu mal-Istati Uniti u l-Kanada dwar kwistjonijiet ta' interess komuni, inkluż il-ġlieda kontra t-terroriżmu, it-theddid ċibernetiku u l-kummerċ.

Il-presidenza ser tippromwovi wkoll kooperazzjoni strateġika mal-pajjiżi Afrikani biex jiġu indirizzati l-isfidi soċjo-ekonomiċi. It-titjib tas-sigurtà fil-kontinent Afrikan huwa prijorità, flimkien mal-kooperazzjoni f'dak li jirrigwarda kwistjonijiet ta' migrazzjoni.

Is-sħubiji mal-pajjiżi Afrikani, tal-Amerika Latina u l-Karibew ser jissaħħu permezz ta' summits previsti sal-aħħar tal-2017.

Il-kooperazzjoni kontinwa mat-Turkija u l-Balkani tal-Punent hija prijorità ewlenija oħra għall-presidenza, b'mod partikolari fil-qasam tal-migrazzjoni, is-sigurtà, l-enerġija u l-ekonomija.

Sigurtà u difiża

Il-presidenza ser tfittex li ssaħħaħ it-tliet pilastri tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni tal-UE:

  • l-implimentazzjoni tal-elementi ta' sigurtà u difiża tal-Istrateġija Globali tal-UE
  • il-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO
  • l-implimentazzjoni tal-pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża imħejji mill-Kummissjoni

Il-presidenza ser tiffoka wkoll fuq it-tisħiħ tal-kapaċitajiet militari tal-istati membri. Hija ser tikkontribwixxi wkoll għad-diskussjonijiet dwar kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO), rieżami annwali kkoordinat dwar id-difiża (CARD) u pjan ta’ azzjoni Ewropew għad-difiża (EDAP).

Żvilupp

Il-presidenza Estonjana ser tippromwovi l-użu ta' teknoloġiji diġitali fl-implimentazzjoni tal-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli.

Il-presidenza ser tiffoka wkoll fuq it-titjib tal-koordinazzjoni bejn l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'mod partikolari fil-kuntest tal-kriżi tar-refuġjati.

Ser tingħata wkoll attenzjoni partikolari għaċ-ċaqliq fit-tul ta' popolazzjonijiet minħabba kriżijiet umanitarji u diżastri naturali.