Konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali (KAĠ)

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali jikkoordina t-tħejjijiet għal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew. Huwa responsabbli wkoll għal numru ta' oqsma ta' politika trasversali.

Kif jaħdem il-Kunsill Affarijiet Ġenerali?

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali huwa magħmul prinċipalment mill-ministri għall-affarijiet Ewropej mill-istati membri kollha tal-UE. Il-Kummissjoni Ewropea hija normalment irrappreżentata mill-Kummissarju għar-relazzjonijiet interistituzzjonali, skont is-suġġett diskuss.

Il-laqgħat tal-KAĠ isiru darba fix-xahar.

Il-Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew huwa l-istituzzjoni responsabbli għad-definizzjoni tad-direzzjoni politika u l-prijoritajiet tal-UE

Dwar il-Kunsill Affarijiet Ġenerali

Il-Kunsill Affarijiet Ġenerali huwa responsabbli biex jiżgura l-konsistenza fil-ħidma tal-konfigurazzjonijiet kollha tal-Kunsill. Huwa jħejji u jieħu ħsieb is-segwitu tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew (il-laqgħa tal-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-istati membri tal-UE).

Huwa responsabbli għal għadd ta' oqsma ta' politika trasversali, li jinkludu t-tkabbir tal-UE u n-negozjati dwar l-adeżjoni, l-adozzjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (il-pjan baġitarju tal-UE għal 7 snin), il-politika ta' koeżjoni, kwistjonijiet dwar l-istruttura istituzzjonali tal-UE u kwalunkwe fajl li jafdalu l-Kunsill Ewropew.

Il-prijoritajiet tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali matul il-presidenza Estonjana

Kunsill Affarijiet Ġenerali

Il-presidenza Estonjana ser tkompli d-diskussjonijiet dwar il-futur tal-Unjoni Ewropea u modi kif jistgħu jiġu protetti l-bżonnijiet u l-interessi taċ-ċittadini tal-UE.

Il-presidenza ser tkompli l-implimentazzjoni tal-ftehim interistituzzjonali dwar tfassil aħjar tal-liġijiet (FII) biex jittejjeb il-proċess leġislattiv, b'hekk dan isir eħfef u aktar effettiv.

L-għan matul il-presidenza hi li jintlaħaq qbil dwar dikjarazzjoni konġunta bejn il-Parlament Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill dwar il-prijoritajiet leġislattivi għas-sena 2018.

Il-presidenza ser taħdem ukoll biex jintlaħaq ftehim interistituzzjonali dwar ir-reġistru obbligatorju ta' trasparenza.

Barra minn hekk, il-presidenza Estonjana għandha l-għan li tkompli d-diskussjoni dwar il-prinċipji u l-protezzjoni tal-istat tad-dritt, inkluż permezz ta' djalogu dwar l-istat tad-dritt fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali.

Il-presidenza ser tkompli tmexxi 'l quddiem it-tkabbir tal-UE fil-qafas usa' tas-sigurtà, l-istabbiltà, id-demokrazija u l-istat tad-dritt fl-Ewropa.

Fis-sessjonijiet iddedikati għall-koeżjoni, il-presidenza ser tiddiskuti r-riżultati, l-implimentazzjoni u l-futur tal-politika ta’ koeżjoni abbażi tas-seba' rapport tal-Kummissjoni dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali, dokumenti ta’ diskussjoni, riċerka ppubblikata u diskussjonijiet preċedenti f'konfigurazzjonijiet oħra tal-Kunsill.

Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50)

Fil-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50) il-ministri, li jiltaqgħu f'format UE27, ser jiddiskutu kwalunkwe diskussjoni marbuta mal-Brexit.

Bejn laqgħa u oħra tal-Kunsill Ewropew (Art. 50), il-Kunsill Affarijiet Ġenerali (Art. 50) ser jiżgura li n-negozjati jitmexxew skont il-linji gwida tal-Kunsill Ewropew u d-direttivi ta' negozjati tal-Kunsill.

L-għan tal-presidenza Estonjana matul dawn in-negozjati, hi li żżomm l-għaqda tas-27 stat membru u tiffaċilita l-ilħuq ta' ftehim mar-Renju Unit.