Konfigurazzjoni tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI)

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni jiżviluppa politiki komuni u ta' kooperazzjoni dwar diversi kwistjonijiet transkonfinali, bil-għan li jinbena spazju ta' libertà, sigurtà u ġustizzja mifrux mal-UE kollha.

Kif jaħdem il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni?

Il-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni (ĠAI) huwa magħmul mill-ministri tal-ġustizzja u affarijiet interni tal-istati membri kollha. B'mod ġenerali, il-ministri tal-ġustizzja jittrattaw il-kooperazzjoni ġudizzjarja kemm fil-liġi ċivili u kriminali kif ukoll fid-drittijiet fundamentali, filwaqt li l-ministri tal-affarijiet interni huma responsabbli mill-migrazzjoni, il-ġestjoni tal-fruntieri u l-kooperazzjoni tal-pulizija, fost affarijiet oħrajn. Madankollu, mhux l-istati membri kollha tal-UE għandhom l-istess tqassim tal-kompiti bejn il-ministri. Il-Kunsill ĠAI huwa responsabbli wkoll mill-protezzjoni ċivili.

Il-Kunsill ĠAI normalment jiltaqa' kull tliet xhur.

Kif maqbul fit-trattati tal-UE, id-Danimarka, ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx b'mod sħiħ fl-implimentazzjoni ta' ċerti miżuri relatati mal-ġustizzja u l-affarijiet interni, jew il-parteċipazzjoni tagħhom hija soġġetta għal ċerti kondizzjonijiet.

Fl-oqsma relatati mal-acquis ta' Schengen, id-diskussjonijiet isiru fil-format ta' kumitat imħallat. Dan il-format huwa magħmul mill-istati membri tal-UE flimkien ma' 4 pajjiżi mhux fl-UE li jagħmlu parti mill-ftehim ta' Schengen (l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, l-Iżvizzera). Fil-każ ta' miżuri leġislattivi, l-adozzjoni tagħhom issir fil-Kunsill ĠAI wara diskussjoni fil-kumitat imħallat, bl-eċċezzjoni li r-Renju Unit u l-Irlanda ma jivvutawx.

Dwar il-politika tal-ġustizzja u l-affarijiet interni

Il-Kunsill jadotta leġislazzjoni, fil-biċċa l-kbira flimkien mal-Parlament Ewropew, bil-għan li jiġu garantiti d-drittijiet fundamentali, jiġi żgurat il-moviment liberu tal-persuni fl-UE kollha u biex jiġi pprovdut livell għoli ta’ protezzjoni liċ-ċittadini. Huwa responsabbli mill-politiki dwar l-ażil u l-immigrazzjoni, il-kooperazzjoni ġudizzjarja f'materji ċivili u kriminali, il-protezzjoni ċivili u l-ġlieda kontra l-kriminalità serja u organizzata u t-terroriżmu. Huwa jittratta wkoll il-kwistjonijiet relatati maż-żona tal-Ewropa mingħajr fruntieri msejħa Schengen.

Il-Kunsill huwa wkoll inkarigat li jiffaċilita u jsaħħaħ il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet tal-istati membri fil-qasam tas-sigurtà interna. Huwa jagħmel dan billi jittratta l-protezzjoni tal-fruntieri esterni u billi jfittex li jsaħħaħ il-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni doganali.

Prijoritajiet tal-presidenza Estonjana

Ġustizzja

Il-presidenza biħsiebha tkompli t-taħditiet dwar l-adeżjoni tal-UE mal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u mal-konvenzjoni ta' Istanbul dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika.

Il-presidenza ser tkompli taħdem fuq l-armonizzazzjoni parzjali tal-liġijiet dwar l-insolvenza biex ittejjeb l-ambjent tan-negozju fil-pajjiżi tal-UE. Hija ser taħdem ukoll biex taġġorna r-regoli dwar il-proċedimenti transkonfinali f'kawżi marbuta mal-familja u t-tfal.

Fil-ġlieda kontra t-terroriżmu, il-presidenza Estonjana ser tfittex qbil mal-parlament Ewropew rigward abbozz ta’ direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus bil-liġi kriminali. Hija ser tkompli wkoll in-negozjati dwar ir-regoli għar-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska.

Affarijiet Interni

Matul il-presidenza Estonjana, il-Kunsill Ġustizzja u affarijiet interni ser jiffoka fuq il-migrazzjoni legali, il-migrazzjoni illegali, il-kontroll tal-fruntieri esterni u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE.

Hija ser taħdem fuq ir-rieżami tad-direttiva dwar il-karta blu, li għandha l-għan li tiffaċilita d-dħul fl-UE u l-mobilità fi ħdan l-UE ta' ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet.

Hija ser taħdem ma' pajjiżi terzi biex jinstabu soluzzjonijiet għall-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni illegali u biex jittejbu r-rati ta' ritorn. Il-presidenza ser tkompli wkoll bl-isforzi għar-riforma tas-sistema Ewropea ta' asil u l-politika komuni tal-UE dwar il-viżi.

Fit-tieni nofs l-2017, il-Kunsill Ġustizzja u affarijiet interni ser jimmira li jikkonkludi l-ħidma politika dwar l-istabbiliment tas-Sistema tal-UE ta’ informazzjoni u ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar (ETIAS). Huwa ser jipprova jilħaq qbil mal-parlament Ewropew dwar regoli ġodda għas-Sistema ta’ Informazzjoni ta' Schengen tat-tieni ġenerazzjoni.