Konfigurazzjoni tal-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija (TTE)

Kunsill tal-UE

Il-Kunsill TTE jaħdem sabiex iwettaq l-objettivi tal-UE fl-oqsma tat-trasport, it-telekomunikazzjoni u l-enerġija: l-istabbiliment ta' swieq u infrastruttura moderni, kompetittivi u effiċjenti, u l-ħolqien ta' netwerks ta' trasport, komunikazzjoni u enerġija trans-Ewropej.

Kif jaħdem il-Kunsill Trasport, Telekomunikazzjoni u Enerġija?

Il-kompożizzjoni tal-Kunsill TTE u l-għadd tal-laqgħat tiegħu jvarjaw skont il-punti fuq l-aġenda:

  • normalment il-ministri għat-trasport jiltaqgħu erba’ darbiet fis-sena
  • il-ministri għall-enerġija jiltaqgħu tlieta jew erba' darbiet fis-sena
  • il-ministri għat-telekomunikazzjoni jiltaqgħu darbtejn fis-sena

Il-Kummissarji Ewropej rilevanti jipparteċipaw ukoll fil-laqgħat.

Dwar il-politika ta' trasport, telekomunikazzjoni u enerġija

Fil-qasam tat-trasport, il-Kunsill huwa responsabbli mill-adozzjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew, tal-leġislazzjoni fil-qafas ta' politika tat-trasport komuni, bħal regoli komuni għat-trasport internazzjonali, kondizzjonijiet għall-operaturi tat-trasport, u miżuri biex jittejbu d-drittijiet tal-passiġġieri u s-sikurezza tat-trasport. Waħda mill-miri ewlenin hija li jiġu stabbiliti sistemi ta' trasport sostenibbli, fejn il-konsum tal-enerġija jkun baxx, iżda fejn il-mobbiltà għall-utenti tiġi mtejba permezz ta' ħinijiet u rotot ta' trasport aħjar.

Fil-qasam tal-enerġija l-Kunsill huwa responsabbli mill-adozzjoni, flimkien mal-Parlament Ewropew, tal-leġislazzjoni dwar il-funzjonament tas-swieq tal-enerġija, li jiżgura li l-provvisti tal-enerġija jkunu sikuri, jippromwovi effiċjenza fl-użu tal-enerġija, enerġiji ġodda u rinnovabbli, u jippromwovi l-interkonnessjoni ta' netwerks tal-enerġija.

Dwar it-telekomunikazzjoni, il-Kunsill huwa responsabbli, flimkien mal-Parlament Ewropew, mill-adozzjoni tal-leġislazzjoni u l-linji gwida dwar in-netwerks ta' telekomunikazzjoni u l-interoperabbiltà tagħhom. Il-politika tal-UE għandha l-għan ukoll li ttejjeb il-kompetizzjoni, iċ-ċibersigurtà u l-innovazzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjoni.

Prijoritajiet tal-presidenza Estonjana

Il-presidenza Estonjana ser tkompli l-ħidma li twassal biex titlesta l-Unjoni tal-Enerġija. B’mod partikolari, ser tiffoka fuq il-pakkett tal-enerġija nadifa kif ukoll it-tfassil tas-suq tal-elettriku.

Il-presidenza ser tipproponi dikjarazzjoni ta' sħubija pubblika-privata dwar id-diġitizzazzjoni tas-settur tal-enerġija.

Fil-qasam tat-trasport, il-presidenza Estonjana ser tipprijoritizza l-inizjattivi dwar it-triq inklużi fil-pakkett dwar il-mobilità b’emissjonijiet baxxi u l-implimentazzjoni attiva tal-Istrateġija tal-Avjazzjoni għall-Ewropa. Il-presidenza ser taħdem ukoll biex telimina l-ostakli għad-diġitalizzazzjoni tat-trasport u ser taħdem fuq il-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar dan.

Il-prijorità tal-presidenza Estonjana fis-settur tat-telekomunikazzjoni hija li jintlaħaq qbil rigward approċċ ġenerali dwar il-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi biex l-Ewropa titħejja għall-era tal-5G.