Il-Kunsill bħala entità deċiżjonali tal-UE

Proċedura leġislattiva ordinarja

Il-proċedura leġislattiva ordinarja, imsejħa wkoll 'kodeċiżjoni' tintuża għal madwar 85 qasam ta' politika tal-UE, li jvarjaw mill-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni sal-politika komuni dwar l-immigrazzjoni.

Il-biċċa l-kbira tal-atti legali tal-UE nnegozjati permezz ta' din il-proċedura jiġu adottati fl-ewwel qari.

Il-Kunsill huwa entità deċiżjonali essenzjali tal-UE. Jinnegozja u jadotta leġislazzjoni ġdida tal-UE, jadattaha meta jkun meħtieġ, u jikkoordina l-politiki. Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, il-Kunsill jiddeċiedi flimkien mal-Parlament Ewropew permezz tal-proċedura leġislattiva ordinarja, magħrufa wkoll bħala 'kodeċiżjoni'. Il-kodeċiżjoni tintuża għal oqsma ta' politika fejn l-UE għandha kompetenza esklużiva jew kondiviża mal-istati membri. F'dawn il-każijiet, il-Kunsill jilleġisla abbażi ta' proposti mressqa mill-Kummissjoni Ewropea. 

F'għadd ta' oqsma speċifiċi ferm, il-Kunsill jieħu deċiżjonijiet bl-użu ta' proċeduri leġislattivi speċjali - il-proċedura ta' kunsens u l-proċedura ta' konsultazzjoni - fejn ir-rwol tal-Parlament ikun limitat. 

Ġewwa l-Kunsill - proċedura ta' tliet stadji

Aktar minn 150 grupp ta' ħidma u kumitat jgħinu fit-tħejjija tal-ħidma tal-ministri li jeżaminaw proposti fil-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill. Dawn il-gruppi ta' ħidma u l-kumitati huma magħmulin minn uffiċjali mill-istati membri kollha.

Ladarba l-Kunsill jirċievi proposta mill-Kummissjoni, it-test jiġi eżaminat simultanjament mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew. Dan l-eżami huwa magħruf bħala 'qari'. Jista' jkun hemm bżonn sa tliet stadji ta' qari qabel ma l-Kunsill u l-Parlament jaqblu dwar proposta leġislattiva jew jirrifjutawha.

Xi drabi l-Kunsill jista' jadotta qbil politiku sakemm tingħata l-pożizzjoni fl-ewwel qari tal-Parlament, magħruf ukoll bħala 'approċċ ġenerali'. Approċċ ġenerali maqbul fil-Kunsill jista' jgħin biex titħaffef il-proċedura leġislattiva u anke jiffaċilita qbil bejn iż-żewġ istituzzjonijiet, peress li jagħti indikazzjoni lill-Parlament dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill qabel l-opinjoni tagħhom fl-ewwel qari. Madankollu, il-pożizzjoni finali tal-Kunsill ma tistax tiġi adottata qabel ma l-Parlament ikun ta l-opinjoni tiegħu fl-ewwel qari.

F'kull qari l-proposta tgħaddi minn tliet livelli fil-Kunsill:

  • grupp ta' ħidma
  • Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper)
  • konfigurazzjoni tal-Kunsill

Dan jiżgura li jkun hemm skrutinju tekniku tal-proposta fil-livell ta' grupp ta' ħidma, responsabbiltà politika għaliha fil-livell tal-ministri, kif ukoll skrutinju mill-ambaxxaturi fil-Coreper, li jikkombinaw kompetenza esperta teknika ma' konsiderazzjoni politika.

Korpi preparatorji tal-Kunsill

Il-Kunsill hu megħjun minn iktar minn 150 grupp ta' ħidma u kumitat, magħrufin bħala l-'korpi preparatorji'

1. Il-grupp ta' ħidma

Il-presidenza tal-Kunsill, bl-għajnuna tas-Segretarjat Ġenerali, tidentifika u tlaqqa' l-grupp ta' ħidma adatt biex jittratta proposta.

Grupp ta' ħidma jibda b'eżami ġenerali tal-proposta, u wara jagħmel skrutinju tagħha linja b'linja.

M'hemm l-ebda limitu ta' żmien formali għal grupp ta' ħidma biex itemm ħidmietu; iż-żmien meħtieġ jiddependi min-natura tal-proposta. M'hemm ukoll l-ebda obbligu li l-grupp ta' ħidma jippreżenta qbil, iżda l-eżitu tad-diskussjonijiet tagħhom jiġi ppreżentat lill-Coreper.

2. Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper)

Il-mod kif il-Coreper jittratta l-proposta jiddependi mil-livell ta' qbil milħuq fil-grupp ta' ħidma .

Jekk jista' jintlaħaq qbil mingħajr diskussjoni, il-punti jidhru fil-Parti I tal-aġenda tal-Coreper.

Jekk tkun meħtieġa aktar diskussjoni fil-Coreper minħabba li ma jkunx intlaħaq qbil fil-grupp ta' ħidma dwar ċerti aspetti ta' proposta, il-punti jitniżżlu fil-Parti II tal-aġenda tal-Coreper. F'dan il-każ, il-Coreper jista':

  • jipprova jinnegozja soluzzjoni huwa stess
  • jerġa' jirreferi l-proposta lill-grupp ta' ħidma, possibbilment b'suġġerimenti għal kompromess
  • jgħaddi l-kwistjoni lill-Kunsill

Il-biċċa l-kbira tal-proposti jidhru fl-aġenda tal-Coreper diversi drabi, hekk kif huma jippruvaw isolvu d-differenzi li ma jkunux ġew issuperati mill-grupp ta' ħidma.

3. Konfigurazzjoni tal-Kunsill

Jekk il-Coreper ikun irnexxielu jiffinalizza d-diskussjonijiet dwar proposta, din issir punt 'A' fuq l-aġenda tal-Kunsill, li jfisser li jkun mistenni qbil mingħajr dibattitu. Bħala regola ġenerali, madwar żewġ terzi tal-punti fuq aġenda tal-Kunsill ikunu għall-adozzjoni bħala punti 'A'. Madankollu, id-diskussjoni dwar dawn il-punti tista' terġa' tinfetaħ jekk stat membru wieħed jew aktar jitolbu dan.

It-taqsima 'B' tal-aġenda tal-Kunsill tinkludi punti:

  • li tħallew minn laqgħat preċedenti tal-Kunsill
  • li ma ntlaħaqx qbil dwarhom fil-livell tal-Coreper jew tal-grupp ta' ħidma
  • li huma politikament sensittivi wisq biex jiġu solvuti f'livell inferjuri

Ir-riżultati tal-voti fil-Kunsill isiru pubbliċi awtomatikament meta l-Kunsill jaġixxi fil-kapaċità tiegħu ta' leġislatur. Jekk membru jixtieq iżid nota ta' spjegazzjoni mal-vot, din in-nota ssir pubblika wkoll, jekk l-att legali jiġi adottat. F'każijiet oħra, meta l-ispjegazzjonijiet għall-voti ma jiġux ippubblikati awtomatikament, din tista' ssir pubblika fuq talba tal-awtur.

Minħabba li l-Kunsill huwa entità legali waħda, kwalunkwe waħda mill-għaxar konfigurazzjonijiet tiegħu jistgħu jadottaw att tal-Kunsill li jaqa' taħt il-kompetenza ta' konfigurazzjoni oħra.