Proċeduri leġislattivi speċjali

Kunsill tal-UE

Fil-qosor

Leġislatur:  Fil-prattika, il-Kunsill huwa l-uniku leġislatur. Il-Parlament Ewropew huwa meħtieġ jagħti l-kunsens tiegħu għal proposta leġislattiva jew jiġi kkonsultat dwarha.

Dritt ta' inizjattiva leġislattiva:  Il-Kummissjoni Ewropea

Tipi ta' proċeduri:

  • Kunsens: il-Parlament Ewropew għandu s-setgħa li jaċċetta jew jirrifjuta proposta leġislattiva b'maġġoranza assoluta ta' voti, iżda ma jistax jemendaha
  • Konsultazzjoni: il-Parlament jista' japprova, jirrifjuta jew jipproponi emendi għal proposta leġislattiva

Bażi legali:  L-Artikolu 289(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Regoli:  It-trattati ma jagħtux deskrizzjoni eżatta tal-proċeduri leġislattivi speċjali. Għalhekk ir-regoli jiġu definiti ad hoc, abbażi tal-artikoli rilevanti tat-trattati.

Fid-dettall

1. Kunsens

Bil-proċedura ta' kunsens, il-Kunsill jista' jadotta proposti leġislattivi wara li jikseb il-kunsens tal-Parlament Ewropew. Għalhekk il-Parlament għandu s-setgħa li jaċċetta jew jirrifjuta proposta leġislattiva b'maġġoranza assoluta ta' voti, iżda ma jistax jemendaha. Il-Kunsill ma għandu l-ebda setgħa li jannulla l-opinjoni tal-Parlament.

Bħala proċedura leġislattiva, il-kunsens jintuża meta tkun qed tiġi adottata leġislazzjoni ġdida dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u jagħti wkoll veto lill-Parlament meta l-bażi legali ġenerali sussidjarja tiġi applikata f'konformità mal-Artikolu 352 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Il-kunsens tal-Parlament huwa meħtieġ ukoll bħala proċedura mhux leġislattiva, meta:

  • il-Kunsill jadotta ċerti ftehimiet internazzjonali nnegozjati mill-UE
  • f'każijiet ta' ksur serju tad-drittijiet fundamentali (l-Artikolu 7 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea)
  • għas-sħubija ta' membri ġodda tal-UE
  • arranġamenti għall-irtirar mill-UE

2. Konsultazzjoni

Bil-proċedura ta' konsultazzjoni, il-Kunsill jadotta proposta leġislattiva wara li l-Parlament ikun ippreżenta l-opinjoni tiegħu dwarha.

F'din il-proċedura l-Parlament jista' japprova, jirrifjuta jew jipproponi emendi għal proposta leġislattiva. Il-Kunsill mhuwiex obbligat legalment li jikkunsidra l-opinjoni tal-Parlament, iżda skont il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, m'għandux jieħu deċiżjoni mingħajr ma jkun irċeviha.

Il-proċedura hija applikabbli f'diversi oqsma, bħall-eżenzjonijiet fis-suq intern u l-liġi tal-kompetizzjoni.

Il-konsultazzjoni tal-Parlament hija meħtieġa wkoll bħala proċedura mhux leġislattiva meta jiġu adottati ftehimiet internazzjonali skont il-politika estera u ta' sigurtà komuni.