Il-Grupp tal-Euro hu korp informali fejn il-ministri tal-istati membri taż-żona tal-euro jiddiskutu kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet kondiviżi tagħhom fir-rigward tal-euro. 

Kompiti

Ix-xogħol prinċipali tiegħu hu li jiżgura koordinazzjoni mill-qrib tal-politiki ekonomiċi fost l-istati membri taż-żona tal-euro. Għandu l-għan ukoll li jippromwovi l-kondizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b'saħħtu.

Il-Grupp tal-Euro hu responsabbli wkoll għat-tħejjija tal-laqgħat tas-Summit tal-Euro u għas-segwitu tagħhom.

Laqgħat

Il-Grupp tal-Euro normalment jiltaqa' darba fix-xahar, lejliet il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji. Il-Kummissarju għall-affarijiet ekonomiċi u monetarji, it-tassazzjoni u d-dwana u l-president tal-Bank Ċentrali Ewropew ukoll jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Grupp tal-Euro.

L-ewwel laqgħa informali tal-ministri għall-finanzi tal-pajjiżi taż-żona tal-euro saret fl-4 ta' Ġunju 1998 fix-Château de Senningen fil-Lussemburgu.

Il-kontenut jidher bil-lingwa oriġinali jekk it-traduzzjoni ma tkunx disponibbli

President

Il-Grupp tal-Euro jeleġġi lill-president tiegħu għal mandat ta' sentejn u nofs b'maġġoranza sempliċi tal-voti. Il-President attwali hu Jeroen Dijsselbloem.  Fit-13 ta’ Lulju 2015 reġa’ ġie elett għat-tieni mandat. Jeroen Dijsselbloem huwa l-Ministru għall-Finanzi tan-Netherlands.

Programm ta' ħidma

Il-Grupp tal-Euro jadotta l-programm ta' ħidma tiegħu kull 6 xhur. Il-programm jiddefinixxi l-oqsma ta' importanza prinċipali u jiffissa l-aġendi preliminari għal-laqgħat li jmiss tal-Grupp tal-Euro.  

Dħul fiż-żona tal-euro

Sabiex ikunu jistgħu jidħlu fiż-żona tal-euro l-istati membri tal-UE huma meħtieġa jissodisfaw l-hekk imsejħa "kriterji ta' konverġenza". Dawn huma kondizzjonijiet ekonomiċi u legali maqbula fit-Trattat ta' Maastricht fl-1992 u huma magħrufa wkoll bħala l-"kriterji ta' Maastricht".

Id-deċiżjoni finali dwar id-dħul ta' pajjiż tal-UE fiż-żona tal-euro tittieħed mill-Kunsill tal-UE, abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni u wara li jkun ġie kkonsultat il-Parlament Ewropew.