Kif jaħdem il-Grupp tal-euro

Grupp tal-Euro

Il-Grupp tal-euro huwa korp informali fejn il-ministri tal-istati membri taż-żona tal-euro jiddiskutu kwistjonijiet relatati mar-responsabbiltajiet komuni ta' pajjiżhom fir-rigward tal-euro.  

Il-kompitu prinċipali tiegħu hu li jiżgura l-koordinazzjoni mill-qrib tal-linji politiċi ekonomiċi fost l-istati membri taż-żona tal-euro u jippromwovi l-kondizzjonijiet għal tkabbir ekonomiku aktar b'saħħtu. Il-koordinazzjoni tal-linji politiċi fost il-pajjiżi taż-żona tal-euro hija kruċjali sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà fiż-żona tal-euro kollha.  

Għalhekk, id-diskussjonijiet fil-Grupp tal-euro jkopru kwistjonijiet speċifiċi relatati mal-euro kif ukoll kwistjonijiet usa' li għandhom impatt fuq il-linji politiċi fiskali, monetarji u strutturali tal-istati membri taż-żona tal-euro. Hu jimmira li jidentifika sfidi komuni u jsib approċċi komuni għalihom.   

Huwa responsabbli wkoll għat-tħejjija tal-laqgħat tas-Summit taż-Żona tal-Euro u għas-segwitu tagħhom.  

Ir-rwol tal-Grupp tal-euro kien stabbilit fil-Protokoll Nru 14 għat-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009. 

Diskussjonijiet

Il-Grupp tal-euro jiddiskuti regolarment

  • is-sitwazzjoni ekonomika u l-prospetti fiż-żona tal-euro
  • il-politiki baġitarji tal-istati membri taż-żona tal-euro
  • is-sitwazzjoni makroekonomika fiż-żona tal-euro
  • ir-riformi strutturali li għandhom il-potenzjal li jżidu t-tkabbir
  • kwistjonijiet relatati maż-żamma tal-istabbiltà finanzjarja fiż-żona tal-euro
  • it-tħejjijiet għal-laqgħat internazzjonali
  • tkabbir taż-żona tal-euro  

Barra minn hekk, il-Grupp tal-euro jista' jkollu diskussjonijiet preliminari dwar deċiżjonijiet tal-Kunsill li jkunu ser japplikaw biss għall-istati membri taż-żona tal-euro. Meta l-Kunsill jadotta deċiżjonijiet bħal dawn, huma biss il-ministri tal-istati membri taż-żona tal-euro li jivvutaw fil-Kunsill.  

Il-Grupp tal-euro jiddiskuti wkoll it-termini tal-assistenza finanzjarja għall-pajjiżi taż-żona tal-euro li jkunu għaddejjin minn diffikultajiet finanzjarji severi.

Laqgħat  

Normalment il-Grupp tal-euro  jiltaqa' darba fix-xahar, lejlet il-laqgħa tal-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (Ecofin). Jekk ikun meħtieġ, jistgħu jsiru laqgħat u telekonferenzi addizzjonali. Il-laqgħat huma informali, u d-diskussjonijiet huma kunfidenzjali.  

Il-parteċipanti fil-laqgħat tal-Grupp tal-euro huma:

  • il-ministri taż-żona tal-euro li għandhom ir-responsabbiltà tal-finanzi
  • il-president tal-Grupp tal-euro
  • il-viċi president tal-Kummissjoni responsabbli mill-affarijiet ekonomiċi u monetarji u l-euro
  • il-president tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE)  

Id-direttur maniġerjali tal-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà  hu mistieden sabiex jipparteċipa fil-laqgħat ukoll. Il-FMI  hu mistieden jipparteċipa fid-diskussjonijiet dwar il-programmi ekonomiċi li huwa involut fihom.  

Ir-riżultati tal-laqgħa jiġu ppreżentati lill-pubbliku mill-president tal-Grupp tal-euro waqt konferenza stampa. Barra minn hekk, il-Grupp tal-euro jista' joħroġ dikjarazzjonijiet pubbliċi bil-miktub. Il-president jinforma wkoll lill-Kunsill Ecofin.

Il-programm ta' ħidma tal-Grupp tal-Euro

Il-programm ta' ħidma ta' 6 xhur u l-prijoritajiet tal-Grupp tal-Euro

Aġendi tal-laqgħat u programmi ta' ħidma

Il-Grupp tal-euro jadotta l-programm ta' ħidma tiegħu kull 6 xhur. Il-programm jiddefinixxi l-oqsma ewlenin ta' attenzjoni u jistabbilixxi aġendi preliminari għal-laqgħat li jkun imiss tal-Grupp tal-euro.  

L-aġenda u d-diskussjonijiet għal kull laqgħa tal-Grupp tal-euro jitħejjew mill-president tal-Grupp tal-euro, bl-assistenza tal-Grupp ta' Ħidma tal-Grupp tal-euro, li hu kompost mill-membri taż-żona tal-euro tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

Elezzjoni tal-president tal-Grupp tal-euro 

Il-membri tal-Grupp tal-euro jeleġġu l-president tal-Grupp tal-euro għal perijodu ta' sentejn u nofs permezz ta' maġġoranza sempliċi ta' voti. 

Jekk il-president ma jkunx jista' jaqdi r-responsabbiltajiet tiegħu jew tagħha, hu jew hi jiġi sostitwit mill-ministru tal-finanzi ta' dak il-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill. Jekk il-pajjiż li jkollu l-presidenza ma jkunx membru taż-żona tal-euro, il-ministru tal-finanzi tal-pajjiż li jkun imissu l-presidenza tal-Kunsill u li jkun fiż-żona tal-euro jieħu t-tmexxija.