Il-programm ta' ħidma tal-Grupp tal-Euro

Grupp tal-Euro

Il-Grupp tal-Euro jadotta l-programm ta' ħidma tiegħu kull 6 xhur. Kull programm jiddefinixxi b'mod ġenerali l-oqsma ewlenin fejn il-Grupp tal-Euro beħsiebu jikkonċentra l-isforzi tiegħu. Jippreżenta wkoll aġendi preliminari għal-laqgħat li jmiss tal-Grupp tal-Euro. Dawn l-aġendi huma indikattivi u jistgħu jinbidlu skont iċ-ċirkostanzi.

Prijoritajiet għall-ewwel semestru tal-2017

Fl-ewwel nofs l-2017, il-Grupp tal-Euro ser jiffoka primarjament fuq il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika bl-għan li jissaħħu l-prospetti ta’ tkabbir fuq perijodu qasir u fit-tul u l-iżgurar ta’ finanzi pubbliċi sodi. Il-Grupp tal-Euro ser jinkoraġġixxi b’mod partikolari l-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali.

Koordinazzjoni tal-politika ekonomika

Il-Grupp tal-Euro biħsiebu jkollu skambji regolari dwar l-aħjar prattiki ta’ politika u l-implimentazzjoni tar-riformi strutturali rrakkomandati għaż-żona tal-euro fil-kuntest tas-Semestru Ewropew. L-għan huwa li jkun żgurat li kemm l-Istati Membri u ż-żona tal-euro kollha kemm hi jibbenefikaw mill-aħjar prattiki identifikati, u jimmiraw li jilħqu valutazzjoni komparattiva konsenswali ta’ dawn l-isforzi meta dan ikun possibbli.

Il-Grupp tal-Euro ser jissorvelja wkoll l-isforz tal-Istati Membri fiż-żona tal-euro sabiex jiġu żgurati politiki fiskali sodi u jinżamm rendikont tal-qagħda fiskali aggregata taż-żona tal-euro u l-kompożizzjoni tagħha.

Segwitu bir-reqqa għad-diskussjoni dwar l-abbozz ta’ pjanijiet baġitarji għall-2017 huwa wkoll fuq quddiem tal-aġenda.

Il-Grupp tal-Euro ser jissorvelja mill-qrib l-iżviluppi li jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja u makroekonomika fiż-żona tal-euro.

Ser iħares ukoll lejn kif l-istati membri taż-żona tal-euro li għalihom tapplika l-proċedura ta’ defiċit eċċessiv qed jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet rilevanti.

Evalwazzjonijiet f'pajjiżi tal-programm u ta' wara l-programm

Il-Grupp tal-Euro ser ikompli jirrevedi l-programm ta’ aġġustament ekonomiku li għaddej bħalissa fil-Greċja.

Ser ikun involut ukoll fil-proċess ta' sorveljanza ta' wara l-programm f'pajjiżi li rċevew assistenza finanzjarja fil-passat, b'mod partikolari Ċipru, l-Irlanda, il-Portugall u Spanja.

Unjoni bankarja

Il-Grupp tal-Euro ser ikompli jsegwi mill-qrib l-aspetti taż-żona tal-euro tal-ħidma li għaddejja biex ikomplu jsaħħu l-unjoni bankarja.

Kompiti oħra

Il-Grupp tal-Euro ser ikompli jipprovdi wkoll kontribut għad-diskussjonijiet tal-mexxejja tal-UE dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja u t-tħejjija ta' laqgħat internazzjonali.