Ir-rwol tal-Kunsill fil-ftehimiet internazzjonali

Kunsill tal-UE

Il-ftehimiet internazzjonali jintużaw biex jgħinu lill-UE tikseb l-objettivi politiċi tagħha. Jistgħu jkopru oqsma wisgħin, bħall-kummerċ, il-kooperazzjoni u l-iżvilupp, jew jistgħu jittrattaw oqsma politiċi speċifiċi bħat-tessili, is-sajd, id-dwana, it-trasport, ix-xjenza u t-teknoloġija.

L-UE tinnegozja u tikkonkludi ftehimiet internazzjonali kemm ma' pajjiżi mhux fl-UE kif ukoll ma' organizzazzjonijiet internazzjonali, bħad-WTO jew in-NU.

Kompetenza esklużiva jew kondiviża?

L-UE għandha kompetenza esklużiva biex tikkonkludi ftehimiet internazzjonali f'ċerti oqsma, pereżempju meta l-ftehim jaffettwa regoli komuni tal-UE, jew meta meħtieġ biex jgħin lill-UE teżerċita l-kompetenzi interni tagħha. F'oqsma fejn l-UE adottat regoli komuni speċifiċi, pereżempju d-dwana, l-istati membri m'għadhomx jistgħu jiffirmaw ftehimiet ma' pajjiżi mhux fl-UE li jaffettwaw dawk ir-regoli. L-UE għandha wkoll kompetenza esklużiva f'dawn il-każijiet u taġixxi f'isem l-istati membri kollha.

L-UE tista' wkoll tiffirma ftehimiet internazzjonali f'oqsma fejn il-kompetenza hija kondiviża mal-istati membri, pereżempju l-affarijiet barranin.

X'jagħmel il-Kunsill?

Il-Kunsill tal-UE għandu rwol importanti fin-negozjati u l-konklużjoni ta' ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi mhux fl-UE jew organizzazzjonijiet internazzjonali. Huwa involut fl-istadji kollha tal-proċedura; mill-għoti tal-mandat għan-negozjati lill-Kummissjoni, għall-firma tal-ftehim f'isem l-UE u l-adozzjoni tad-deċiżjoni finali li timplimentah fid-dritt tal-UE.

Għall-ftehimiet li jkopru oqsma ta' kompetenza kondiviża mal-istati membri tal-UE, ir-rappreżentanti mill-gvernijiet tal-istati membri għandhom ukoll jagħtu l-mandat tagħhom għan-negozjati. Dan jinkludi l-biċċa l-kbira tal-ftehimiet marbuta mal-politika barranija u ftehimiet kummerċjali wisgħin.

Il-Kunsill jista' jadotta wkoll deċiżjoni biex jissospendi l-applikazzjoni ta' ftehim internazzjonali jew biex itemm ftehim. Pereżempju, fl-2010 l-Kunsill issospenda l-artikolu 96 tal-Ftehim ta' Cotonou maż-Żimbabwe, u b'hekk waqqaf il-pagament tal-għajnuna għall-iżvilupp lejn dak il-pajjiż. Il-Kunsill jieħu deċiżjoni abbażi ta' proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà.

Kif jaħdem?

Il-proċedura għan-negozjati u l-adozzjoni ta' ftehimiet internazzjonali hija stabbilita fl-artikoli 207 u 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE. Fil-proċedura kollha, il-Kunsill jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu l-aktar bl-użu tal-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata. Madankollu, huwa jivvota bl-użu tal-votazzjoni b'unanimità f'oqsma fejn l-unanimità tkun normalment meħtieġa, bħat-tassazzjoni. Għal ftehimiet li jkopru oqsma ta' kompetenza kondiviża d-deċiżjonijiet jittieħdu flimkien mal-Kunsill bi qbil komuni (qbil tal-istati membri kollha).

Il-proċedura ta' negozjati:

  1. Il-Kummissjoni tippreżenta rakkomandazzjonijiet lill-Kunsill dwar kull ftehim speċifiku. Jekk il-ftehim ikun relatat l-aktar mal-politika barranija u ta' sigurtà, ir-Rappreżentant Għoli għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tippreżenta r-rakkomandazzjonijiet.
  2. Il-Kunsill imbagħad jadotta deċiżjoni li tawtorizza l-ftuħ ta' negozjati. Normalment jadotta direttivi ta' negozjati li jistabbilixxu l-objettivi ġenerali li għandhom jinkisbu matul in-negozjati.
  3. Il-Kummissjoni tirrappreżenta lill-UE matul in-negozjati, bl-eċċezzjoni ta' meta l-ftehim jirrigwarda l-politika barranija u ta' sigurtà, meta l-UE tkun irrappreżentata mir-rappreżentant għoli. In-negozjati bejn l-UE u partijiet mhux fl-UE jew organizzazzjoni internazzjonali normalment isiru f'"ċikli" differenti.
  4. Għal xi tipi ta' ftehim, il-Kunsill jaħtar kumitat speċjali li jikkonsulta mal-Kummissjoni matul in-negozjati kollha. Il-Kummissjoni regolarment tirrapporta lura lil dan il-kumitat u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress tan-negozjati.
  5. Il-Kunsill jista' jadotta direttivi ta' negozjati riveduti jew ġodda fi kwalunkwe waqt matul in-negozjati. Dan isir biex tinbidel il-pożizzjoni ta' negozjar, jew meta n-negozjatur (il-Kummissjoni) irid jiddevja mill-pożizzjoni maqbula preċedentement.
  6. Il-Kunsill u l-Kummissjoni huma responsabbli flimkien biex jivverifikaw li l-ftehimiet negozjati jkunu kompatibbli mal-politiki u r-regoli interni tal-UE.
  7. Fi tmiem in-negozjati, il-Kunsill jadotta deċiżjoni dwar il-firma tal-ftehim. F'xi każijiet, il-Kunsill jista' wkoll jieħu deċiżjoni dwar l-applikazzjoni proviżorja ta' ftehim. Dawn id-deċiżjonijiet jittieħdu abbażi ta' proposta tal-Kummissjoni.
  8. Il-Kunsill jadotta wkoll id-deċiżjoni finali għall-konklużjoni tal-ftehim. Dan jista' jsir biss ladarba l-Parlament Ewropew ikun ta l-kunsens tiegħu (għal ftehimiet ta' assoċjazzjoni u għal oqsma soġġetti għall-proċedura leġislattiva ordinarja jew għall-proċedura ta' kunsens) u l-ftehim ikun ġie ratifikat mill-istati membri kollha tal-UE. F'oqsma oħra, bl-eċċezzjoni ta' ftehimiet relatati mal-politika estera u ta' sigurtà komuni, il-Parlament Ewropew għandu jiġi kkonsultat.