Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi)

Kunsill tal-UE

Il-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta (Tassazzjoni tal-Intrapriżi) ġie stabbilit mill-Ecofin fid-9 ta' Marzu 1998. Dan jittratta primarjament il-valutazzjoni tal-miżuri fiskali li jaqgħu fi ħdan l-ambitu tal-kodiċi tal-kondotta (adottat f'Diċembru 1997) għat-tassazzjoni tal-intrapriżi u s-superviżjoni tal-għoti ta' informazzjoni dwar dawk il-miżuri.

Il-kodiċi tal-kondotta mhuwiex strument li jorbot legalment iżda l-adozzjoni tiegħu titlob l-impenn tal-istati membri biex:

  • jeliminaw miżuri fiskali eżistenti li jikkostitwixxu kompetizzjoni fiskali ta' ħsara 
  • jieqfu milli jintroduċu miżuri simili ġodda fil-futur

Il-grupp jaħdem primarjament fuq:

  • regoli kontra l-abbuż
  • trasparenza u skambju ta' informazzjoni fil-qasam ta' pprezzar tat-trasferimenti
  • prattiki amministrattivi 
  • promozzjoni tal-prinċipji tal-kodiċi tal-kondotta f'pajjiżi mhux tal-UE

Fl-2013, taħt il-Presidenza Irlandiża, inħoloq Sottogrupp Kontra l-Abbuż. Dan jirrapporta lill-Grupp dwar il-Kodiċi tal-Kondotta u jaħdem fuq diskrepanzi ibridi.