Coreper II

Kunsill tal-UE

Il-Coreper II hu magħmul mir- rappreżentanti permanenti ta' kull stat membru. Hu ppresedut mir-rappreżentant permanenti tal-pajjiż li jkollu l-presidenza tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali.

Rwol

Il-Coreper II iħejji l-ħidma ta' 4 konfigurazzjonijiet tal-Kunsill:

  • affarijiet ekonomiċi u finanzjarji
  • affarijiet barranin
  • affarijiet ġenerali
  • ġustizzja u affarijiet interni

Il-ħidma tal-Coreper II titħejja mill- 'Grupp Antici'. Dan il-grupp informali jgħin biex tiġi fformulata l-idea inizjali tal-pożizzjonijiet li d-delegazzjonijiet tad-diversi stati membri ser jieħdu fil-laqgħa tal-Coreper.

X'inhu l-Coreper?

Coreper tfisser il-'Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti tal-Gvernijiet tal-istati membri għall-Unjoni Ewropea'. Ir-rwol u l-formazzjonijiet differenti tiegħu huma spjegati fl-artikolu 240(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE.

Il-Coreper huwa l-korp preparatorju ewlieni tal-Kunsill. Il-punti kollha li għandhom jiddaħħlu fl-aġenda tal-Kunsill (minbarra xi materji agrikoli) iridu l-ewwel jiġu eżaminati mill-Coreper, dment li ma jiġix deċiż mod ieħor mill-Kunsill.

Dan mhuwiex korp ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u kwalunkwe qbil milħuq minnu jista' jerġa' jiġi kkunsidrat mill-Kunsill, li waħdu għandu s-setgħa li jieħu deċiżjonijiet.

Kompiti ewlenin

  • jikkoordina u jħejji l-ħidma tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill
  • jiżgura konsistenza fil-politiki tal-UE
  • ifassal ftehimiet u kompromessi li wara jiġu ppreżentati għall-adozzjoni mill-Kunsill

Kompożizzjoni u konfigurazzjonijiet

Il-Coreper hu magħmul mir-'rappreżentanti permanenti' minn kull stat  membru, li, effettivament, huma l-ambaxxaturi ta' pajjiżhom għall-UE. Huma jesprimu l-pożizzjoni tal-gvern tagħhom.

Iż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-Coreper (Coreper I u II) jiltaqgħu kull ġimgħa.