Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Il-presidenza tal-Kunsill tal-UE

Kunsill tal-UE

Presidenza b'rotazzjoni

Il-presidenza tal-Kunsill iddur fost l-istati membri tal-UE kull 6 xhur. Matul dan il-perjodu ta' 6 xhur, il-presidenza tippresiedi laqgħat f'kull livell tal-Kunsill, u tgħin biex tkun garantita l-kontinwità fil-ħidma tal-UE fil-Kunsill.

L-istati membri li jkollhom il-presidenza jaħdmu flimkien mill-qrib fi gruppi ta' tlieta, imsejħin 'triji'. Din is-sistema ġiet introdotta bit-Trattat ta' Lisbona fl-2009. It-triju jistabbilixxi għanijiet fit-tul u jħejji aġenda komuni li tiddetermina t-temi u l-kwistjonijiet prinċipali li jkunu ser jiġu indirizzati mill-Kunsill tul perjodu ta' 18-il xahar. Abbażi ta' dan il-programm, kull wieħed mit-tliet pajjiżi jħejji l-programm tiegħu stess ta' 6 xhur f'aktar dettall.

It-triju attwali hu magħmul mill-presidenza Netherlandiża, il-presidenza Slovakka u dik Maltija.

Il-presidenza Slovakka tal-Kunsill tal-UE: 1 ta' Lulju-31 ta' Diċembru 2016

Il-prijoritajiet tal-presidenza Slovakka huma mħaddma minn tliet prinċipji interkonnessi: li jinkisbu riżultati tanġibbli, li tingħeleb il-frammentazzjoni u li l-attenzjoni tkun ikkonċentrata fuq iċ-ċittadin.

Matul is-6 xhur li ġejjin, il-presidenza ser tiffoka fuq erba’ oqsma ewlenin: Ewropa ekonomikament b'saħħitha, suq uniku modern, politiku sostenibbli dwar il-migrazzjoni u l-asil u Ewropa impenjata globalment.

Segwi l-presidenza fuq:

Il-presidenzi tal-Kunsill sal-2020

Slovakkja: Lulju-Diċembru 2016
Malta: Jannar-Ġunju 2017
Estonja: Lulju-Diċembru 2017
Bulgarija: Jannar-Ġunju 2018
Awstrija: Lulju-Diċembru 2018
Rumanija: Jannar-Ġunju 2019
Finlandja: Lulju-Diċembru 2019
Kroazja: Jannar-Ġunju 2020
Ġermanja: Lulju-Diċembru 2020

Il-kompiti tal-presidenza

Il-presidenza hija responsabbli li jsir progress fil-ħidma tal-Kunsill dwar il-leġislazzjoni tal-UE, waqt li tiżgura l-kontinwità tal-aġenda tal-UE, l-ordni fil-proċessi leġislattivi u l-kooperazzjoni bejn l-istati membri. Sabiex tagħmel dan, il-presidenza għandha taġixxi bħala intermedjarju onest u newtrali.

Il-presidenza għandha żewġ kompiti ewlenin:

1. Tippjana u tippresiedi laqgħat fil-Kunsill u l-korpi preparatorji tiegħu

Il-presidenza tippresiedi l-laqgħat tal-konfigurazzjonijiet differenti tal-Kunsill (għajr il-Kunsill Affarijiet Barranin) u l-korpi preparatorji tal-Kunsill, li jinkludu kumitati permanenti bħall-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), u gruppi ta' ħidma u kumitati li jittrattaw suġġetti speċifiċi ferm.

Il-presidenza tiżgura li d-diskussjonijiet isiru kif suppost u li r-regoli ta' proċedura tal-Kunsill u l-metodi tal-ħidma jiġu applikati korrettament.

Hija torganizza wkoll diversi laqgħat formali u informali fi Brussell u fil-pajjiż tal-presidenza b’rotazzjoni.

2. Tirrappreżenta lill-Kunsill fir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE

Il-presidenza tirrappreżenta lill-Kunsill fir-relazzjonijiet mal-istituzzjonijiet l-oħra tal-UE, b'mod partikolari mal-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew. Hija għandha r-rwol li tipprova tilħaq qbil dwar fajls leġislattivi permezz ta' trilogi, laqgħat ta' negozjar informali u laqgħat tal-Kumitat ta' Konċiljazzjoni.

Il-Presidenza taħdem f'koordinazzjoni mill-qrib ma':

  • il-President tal-Kunsill Ewropew
  • ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà

Hija tappoġġa l-ħidma tagħhom u xi drabi tista' tintalab twettaq ċerti kompiti għar-rappreżentant għoli, pereżempju billi tirrappreżenta lill-Kunsill Affarijiet Barranin quddiem il-Parlament Ewropew jew billi tippresiedi l-Kunsill Affarijiet Barranin meta dan jiddiskuti kwistjonijiet ta' politika kummerċjali komuni.