Kif jivvota l-Kunsill?

Skont il-kwistjoni li tkun qed tiġi diskussa, il-Kunsill tal-UE jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu permezz ta':

  • maġġoranza sempliċi (15-il stat membru jivvotaw favur)
  • maġġoranza kwalifikata (55% tal-istati membri jivvotaw favur), jew
  • vot unanimu (il-voti kollha favur)

Il-Kunsill jista' jivvota biss jekk tkun preżenti maġġoranza tal-membri tiegħu. Membru tal-Kunsill jista' jaġixxi f'isem membru ieħor wieħed biss.

Il-Kunsill jista' jivvota dwar att leġislattiv 8 ġimgħat wara li l-abbozz ta' att ikun intbagħat lill-parlamenti nazzjonali  għall-eżami tagħhom. Il-parlamenti nazzjonali jridu jiddeċiedu jekk l-abbozz ta' leġislazzjoni jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà. Votazzjoni bikrija hija possibbli biss f'każijiet urġenti speċjali.

Il-votazzjoni tingħata bidu mill-President tal-Kunsill. Membru tal-Kunsill jew tal-Kummissjoni jista' wkoll jagħti bidu għall-proċedura tal-votazzjoni, iżda maġġoranza tal-membri tal-Kunsill iridu japprovaw din l-inizjattiva.

Ir-riżultati tal-voti tal-Kunsill awtomatikament isiru pubbliċi  meta l-Kunsill jaġixxi bħala leġislatur.

Jekk membru jkun irid iżid nota ta' spjegazzjoni tal-vot, din in-nota ssir pubblika wkoll, jekk jiġi adottat att legali. F'każijiet oħra, meta spjegazzjonijiet tal-voti mhumiex ippubblikati awtomatikament, din tista' ssir pubblika fuq talba tal-awtur.

Meta l-Kunsill ma jaġixxix bħala leġislatur, huwa wkoll possibbli li r-riżultati tal-voti u l-ispjegazzjonijiet tal-vot isiru pubbliċi, permezz ta' deċiżjoni unanima tal-Kunsill. Il-membri tal-Kunsill u tal-Kummissjoni jistgħu jagħmlu dikjarazzjonijiet u jitolbu li dawn jiġu inklużi fil-minuti tal-Kunsill. Dawn id-dikjarazzjonijiet ma għandhomx effett legali u huma meqjusa bħala strument politiku maħsub biex jiffaċilita t-teħid ta' deċiżjonijiet.