Ara l-kontenut
Abbonament bl-email

Sistema ta' votazzjoni

Ħarsa ġenerali

Il-metodu standard ta' votazzjoni tal-Kunsill huwa b'maġġoranza kwalifikata, li jintuża f'madwar 80% tal-leġislazzjoni tal-UE

Maġġoranza sempliċi

Użata għal votazzjonijiet mhux leġislattivi, maġġoranza sempliċi hija 15 minn 28 stat membru

Maġġoranza kwalifikata

Maġġoranza kwalifikata teħtieġ 55% tal-istati membri, li jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE

Unanimità

L-unanimità teħtieġ li kulħadd jaqbel jew jastjeni milli jivvota

Il-metodu 'standard' ta' votazzjoni fil-Kunsill

Il-maġġoranza kwalifikata hi l-metodu ta' votazzjoni li jintuża l-aktar fil-Kunsill.

Din tintuża meta l-Kunsill jieħu deċiżjonijiet matul il-proċedura leġislattiva ordinarja, magħrufa wkoll bħala l-kodeċiżjoni. Madwar 80% tal-leġislazzjoni kollha tal-UE tiġi adottata b'din il-proċedura.

Meta l-Kunsill jivvota dwar proposta mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, tintlaħaq maġġoranza kwalifikata jekk ikunu ssodisfati żewġ kondizzjonijiet:

  • 55% tal-istati membri jivvotaw favur - fil-prattika dan ifisser 16 minn 28
  • il-proposta jkollha l-appoġġ tal-istati membri li jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni totali tal-UE

Din il-proċedura hija magħrufa wkoll bħala r-regola tal-'maġġoranza doppja'.

Minoranza li timblokka

Il-minoranza li timblokka għandha tinkludi mill-inqas 4 membri tal-Kunsill li jirrappreżentaw aktar minn 35% tal-popolazzjoni tal-UE.

Każijiet speċjali

Meta ma jipparteċipawx fil-vot il-membri kollha tal-Kunsill, pereżempju minħabba opt-out f'ċerti oqsma ta' politika, deċiżjoni tiġi adottata jekk 55% tal-membri parteċipanti tal-Kunsill, li jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-istati membri parteċipanti, jivvotaw favur.

Meta l-Kunsill jivvota dwar proposta li mhix mill-Kummissjoni jew mir-Rappreżentant Għoli deċiżjoni tkun adottata jekk:

  • mill-inqas 72% tal-membri tal-Kunsill jivvotaw favur
  • dawn jirrappreżentaw mill-inqas 65% tal-popolazzjoni tal-UE

Astensjonijiet

Astensjoni fil-votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata tgħodd bħala vot kontra. Astensjoni mhix l-istess bħal nonparteċipazzjoni fil-vot. Kull membru jista' jastjeni fi kwalunkwe ħin.