Il-konferenzi tar-rappreżentanti tal-gvernijiet tal-istati membri jissejħu sabiex jiġu diskussi u jintlaħaq qbil dwar bidliet għat-trattati tal-UE. Dawn il-laqgħat huma magħrufa wkoll bħala 'konferenzi intergovernattivi' (KIG).

Qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009, din kienet l-unika proċedura għar-reviżjoni tat-trattati. Issa tissejjaħ il-'proċedura ta' reviżjoni ordinarja'.

Konferenzi intergovernattivi reċenti

Innovazzjonijiet fit-Trattat ta' Lisbona

KIG 2007

Il-KIG imnedija mill-Kunsill Ewropew f'Ġunju 2007 kienet inkarigata tabbozza trattat ta' riforma bil-ħsieb li jissaħħu l-effiċjenza u l-leġittimità demokratika tal-Unjoni mkabbra, kif ukoll il-koerenza tal-azzjoni esterna tagħha'.

Il-konferenza wasslet għall-adozzjoni tat-Trattat ta' Lisbona, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Diċembru 2009.

Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona, it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika ġew konsolidati.

KIG 2004

Il-KIG imnedija f'Ottubru 2003 ddiskutiet l-"abbozz ta' Trattat li jistabbilixxi Kostituzzjoni għall-Ewropa" li kienet ġiet imħejjija mill-Konvenzjoni Ewropea.

Il-kostituzzjoni, li ġiet iffirmata mill-mexxejja tal-UE f'Ottubru 2004, kellha tissostitwixxi t-trattati kollha eżistenti b'test wieħed.

Ma ġietx ratifikata mill-pajjiżi kollha tal-UE u ma daħlitx fis-seħħ.

Reviżjoni tat-trattati tal-UE

Proċedura ta' reviżjoni ordinarja

Din tippermetti lil kwalunkwe stat membru, lill-Kummissjoni jew lill-Parlament Ewropew iressaq proposta għal bidla fit-trattati lill-Kunsill li, min-naħa tiegħu, jippreżentaha lill-Kunsill Ewropew. Il-parlamenti nazzjonali jiġu nnotifikati.

Jekk maġġoranza ta' stati membri fil-Kunsill Ewropew tkun favur li tiġi eżaminata proposta għal bidla fit-trattati, il-president tal-Kunsill Ewropew ilaqqa' 'konvenzjoni' . Il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni jiġu kkonsultati minn qabel. Jekk ikunu kkonċernati kwistjonijiet monetarji jiġi kkonsultat il-Bank Ċentrali Ewropew.

Il-konvenzjoni, li tlaqqa' flimkien rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali, kapijiet ta' stat jew ta' gvern, MEPs u l-Kummissjoni Ewropea, tiddiskuti l-abbozzi tal-bidliet fit-trattati. Ir-rakkomandazzjonijiet tagħha, li jiġu adottati b'kunsens, imorru mbagħad għand il-KIG.

Inkella, jekk il-bidliet proposti ma jiġġustifikawx konvenzjoni, il-Kunsill Ewropew - bil-kunsens tal-Parlament Ewropew - jista' jivvota b'maġġoranza sempliċi biex din ma tiġix organizzata u jista' jiffissa t-termini tiegħu stess għall-KIG.

Il-KIG, msejjħa mill-President tal-Kunsill Ewropew, tiddeċiedi dwar il-bidliet fit-trattati unanimament.

Proċedura ta' reviżjoni simplifikata

It-Trattat ta' Lisbona daħħal proċedura rapida biex jiġu emendati l-politiki u l-azzjonijiet interni tal-UE, magħrufa bħala l-'proċedura ta' reviżjoni simplifikata'. Din ma teħtieġ ebda konvenzjoni jew KIG.

Il-Kunsill Ewropew jaqbel unanimament dwar il-bidliet wara li jikkonsulta l-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni. Jekk ikunu kkonċernati kwistjonijiet monetarji jiġi kkonsultat il-Bank Ċentrali Ewropew.

Id-deċiżjoni ma tidħolx fis-seħħ qabel ma tiġi approvata mill-istati membri kollha.

Din il-proċedura ma tistax tintuża biex iżżid is-setgħat tal-UE.

Il-proċedura leġislattiva ordinarja

Din il-proċedura għat-teħid ta' deċiżjonijiet tintuża għal madwar 85 qasam ta' politika tal-UE

Proċeduri leġislattivi speċjali

Jeżistu żewġ 'proċeduri leġislattivi speċjali': il-kunsens u l-konsultazzjoni.

Klawsoli 'passerelle'

L-hekk imsejħa 'klawsoli passerelle' jippermettu lill-Kunsill Ewropew jissostitwixxi l-votazzjoni unanima fil-Kunsill tal-Unjoni Ewropea b'votazzjoni b'maġġoranza kwalifikata f'ċerti oqsma ta' politika.

Il-Kunsill Ewropew jista' jiddeċiedi wkoll li jċaqlaq xi oqsma ta' politika mill-proċedura leġislattiva speċjali għall-proċedura leġislattiva ordinarja, magħrufa bħala 'kodeċiżjoni', li biha l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkoleġisla mal-Parlament Ewropew.

Fiż-żewġ każijiet, il-Kunsill Ewropew jaġixxi unanimament u bil-kunsens tal-Parlament Ewropew. Il-parlamenti nazzjonali jistgħu jwaqqfu d-deċiżjonijiet fi żmien 6 xhur, u b'hekk dawn ma jkunux jistgħu jidħlu fis-seħħ.

Barra minn hekk, għadd limitat ta' dispożizzjonijiet tat-trattati jistgħu jiġu riveduti bi proċeduri oħra.