Librerija u Riċerka

Segretarjat Ġenerali

Il-Librerija tipprovdi aċċess għal firxa wiesgħa ta’ sorsi ta’ informazzjoni stampati u online relatati mal-ħidma tal-Kunsill bil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE. Il-firxa tkopri:

  • media tal-aħbarijiet
  • perjodiċi ġenerali u speċjalizzati
  • artikli
  • teżijiet
  • kotba
  • bażijiet ta’ data

Ir-riżorsi online jikkostitwixxu l-biċċa l-kbira tar-riżorsi tal-Librerija. Il-kontenut sħiħ ta’ dawn ir-riżorsi huwa disponibbli biss permezz tan-netwerk tal-Wifi tas-SĠK fil-bini tal-Kunsill.

Aċċess

Jekk int membru tal-persunal, trainee tal-Kunsill, delegat ta’ stat membru jew membru tal-persunal ta’ istituzzjonijiet oħra tal-UE, jista’ jkollok aċċess għall-kmamar tal-qari tal-Librerija mingħajr restrizzjoni. Is-servizzi ta’ riċerka u/jew informazzjoni huma disponibbli fuq talba.

Għajnuna fir-riċerka

Jekk int riċerkatur jew student, tista’ titlob permess li tistudja fil-librerija tal-Kunsill. Jekk teħtieġ għajnuna fir-riċerka, jekk jogħġbok ħu ħsieb li t-talba tiegħek taslilna mill-inqas ġimagħtejn qabel ma tippjana li tagħmel iż-żjara tiegħek.
Kull talba għal dan is-servizz għandha tispeċifika s-suġġett li ser jiġi studjat u l-lingwa tal-materjal li tixtieq tikkonsulta. Librar iħejji listi ta’ referenzi tar-riżorsi disponibbli fil-kollezzjonijiet tal-librerija tal-Kunsill li huma marbuta mas-suġġett tiegħek.

Kollezzjonijiet

Il-Librerija għandha diversi kollezzjonijiet.

Il-kollezzjoni ewlenija tikkonċentra fuq l-iżviluppi soċjopolitiċi, ekonomiċi u istituzzjonali fl-UE, l-istati membri tagħha u l-pajjiżi ġirien u dawk sħab.

Il-kollezzjoni lingwistika hija ddedikata għal għodod lingwistiċi bħal dizzjunarji, glossarji, grammatika, kotba dwar it-terminoloġija, dwar it-traduzzjoni, dwar il-lingwistika, u materjal ta’ referenza fl-oqsma politiċi kollha tal-Kunsill.

Il-kollezzjoni legali fiha materjal legali u dwar il-ġurisprudenza li jkopri aspetti varji tal-liġi tal-UE u dik internazzjonali, kif ukoll il-ġurisprudenza tal-istati membri u ta' pajjiżi terzi.

Katalgu

Permezz tal-katalgu online tista’ tfittex oġġett wieħed jew tipproduċi lista ta’ referenzi.

Biblijografiji

Il-kollezzjoni bibljografika fiha xogħlijiet ta’ referenza u ta' riċerka marbuta mal-Kunsill Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u s-Segretarjat Ġenerali tagħhom.

Blogg

It-tim tal-librerija jieħu ħsieb blogg li fih rapporti u noti tal-librerija dwar avvenimenti marbuta mal-UE, tagħrif dwar l-aħħar akkwisti għal-librerija u suġġerimenti għall-qari, kif ukoll Think Tank Review ta’ kull xahar.

Il-blogg ma jista’ taħt ebda ċirkostanza jitqies li jirrifletti xi pożizzjoni uffiċjali tal-Kunsill.