Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

X'jagħmel il-Kunsill Ewropew?

Il-Kunsill Ewropew jiddefinixxi d-direzzjoni politika ġenerali u l-prijoritajiet tal-UE. Mhuwiex wieħed mill-istituzzjonijiet tal-UE b'setgħat leġislattivi, u għalhekk ma jinnegozjax u ma jadottax liġijiet tal-UE. Minflok, huwa jistabbilixxi l-aġenda politika tal-UE, tradizzjonalment bl-adozzjoni ta' 'konklużjonijiet' waqt il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew li jidentifikaw kwistjonijiet ta' tħassib u azzjonijiet li għandhom jittieħdu. 

Aktar reċentement, il-Kunsill Ewropew adotta 'aġenda strateġika' ta' oqsma ta' prijorità għall-azzjoni u l-attenzjoni tal-UE fuq perjodu ta' żmien twil.

Kif jaħdem il-Kunsill Ewropew?

Membri

Il-membri tal-Kunsill Ewropew huma l-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tat-28 stat membru tal-UE, il-President tal-Kunsill Ewropew u l-President tal-Kummissjoni Ewropea.

Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tieħu sehem ukoll fil-laqgħat tal-Kunsill Ewropew meta jiġu diskussi kwistjonijiet marbutin mal-affarijiet barranin.

Teħid tad-deċiżjonijiet

Fil-biċċa l-kbira, il-Kunsill Ewropew jieħu d-deċiżjonijiet tiegħu b'kunsens. Madankollu, f'ċerti każijiet speċifiċi deskritti fit-trattati tal-UE, huwa jiddeċiedi b'unanimità jew b'maġġoranza kwalifikata.

Jekk jittieħed vot, la l-President tal-Kunsill Ewropew u lanqas il-President tal-Kummissjoni ma jieħdu sehem.

Laqgħat tal-Kunsill Ewropew 

Il-Kunsill Ewropew jiltaqa' mill-inqas darbtejn kull 6 xhur. Il-laqgħat, sikwit imsejħa 'summits tal-UE', isiru fi Brussell, fil-bini Justus Lipsius.

Il-laqgħat huma preseduti mill-President tal-Kunsill Ewropew. Il-President jista' wkoll ilaqqa' lill-Kunsill Ewropew b'mod straordinarju, meta dan ikun meħtieġ.

Il-President tal-Parlament Ewropew ikun preżenti fil-bidu ta' kull laqgħa, biex ifisser il-fehmiet tal-Parlament Ewropew. Nies oħrajn, bħall-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, jistgħu jiġu mistiedna jattendu għal-laqgħat, skont il-kwistjonijiet li jkunu qed jiġu diskussi.

L-Istorja tal-Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew inħoloq fl-1974 bħala forum informali għad-diskussjoni bejn il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-istati membri tal-UE.  Dan malajr żviluppa r-rwol ta' korp responsabbli biex jistabbilixxi l-għanijiet u l-prijoritajiet tal-UE.

Skont it-Trattat ta' Maastricht fl-1992, il-Kunsill Ewropew akkwista status u rwol formali - biex jagħti spinta u orjentazzjonijiet politiċi ġenerali lill-UE.

Fl-2009, wara l-bidliet introdotti mit-Trattat ta' Lisbona, il-Kunsill Ewropew sar wieħed mis-7 istituzzjonijiet tal-UE.