Summit tal-Euro

Summit tal-euro

Is-Summit tal-Euro jlaqqa' flimkien il-kapijiet ta' stat jew ta' gvern tal-pajjiżi taż-żona tal-euro, il-President tas-Summit tal-Euro u l-President tal-Kummissjoni Ewropea. Il-laqgħat tas-Summit tal-Euro jipprovdu linji gwida strateġiċi dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro.

X'inhi ż-żona tal-euro?

Iż-żona tal-euro, magħrufa wkoll bħala ż-'żona euro', hi magħmula mill-pajjiżi tal-UE li adottaw l-euro bħala l-munita tagħhom. Bħalissa għandha 19-il stat membru.

Ir-rwol tas-Summit tal-Euro

Is-Summit tal-Euro jipprovdi linji gwida politiċi biex jiġi żgurat il-funzjonament mingħajr xkiel tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja. Dan jgħin fil-koordinazzjoni tal-oqsma ta’ politika rilevanti kollha bejn l-istati membri taż-żona tal-euro.

Diskussjonijiet regolari ta' livell għoli dwar ir-responsabbiltajiet speċifiċi relatati mas-sħubija fiż-żona tal-euro jagħtu wkoll lill-pajjiżi taż-żona tal-euro l-possibbiltà li jieħdu kont akbar tad-dimensjoni taż-żona tal-euro fit-tfassil tal-politika nazzjonali tagħhom.

Peress li l-kwistjonijiet relatati maż-żona tal-euro għandhom importanza politika u ekonomika għall-pajjiżi kollha tal-UE, dawn jiġu wkoll regolarment diskussi waqt il-laqgħat tal-Kunsill Ewropew.

Laqgħat tas-Summit tal-Euro

Skont it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, il-laqgħat tas-Summit tal-Euro għandhom isiru mill-inqas darbtejn fis-sena. Jekk ikun possibbli, għandhom isiru wara l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.

Il-laqgħat tas-Summit tal-Euro jiġu organizzati skont regoli ta’ proċedura speċifiċi, adottati fl-14 ta’ Marzu 2013.

Il-kontenut jidher bil-lingwa oriġinali jekk it-traduzzjoni ma tkunx disponibbli

Membri

Il-membri tas-Summit tal-Euro huma l-kapijiet ta' stat jew ta' gvern mill-pajjiżi taż-żona tal-euro, il-President tas-Summit tal-Euro u l-President tal-Kummissjoni Ewropea. Barra minn hekk:

  • il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew ikun mistieden jieħu sehem
  • il-President tal-Grupp tal-Euro jista' jkun mistieden jieħu sehem, peress li l-Grupp tal-Euro hu responsabbli għat-tħejjija u s-segwitu tal-laqgħat tas-Summit tal-Euro
  • il-President tal-Parlament Ewropew jista' wkoll ikun mistieden jitkellem

Fejn ikun adatt, u mill-inqas darba fis-sena, il-mexxejja tal-istati membri li mhumiex fiż-żona tal-euro li rratifikaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza (TSKG) ukoll jieħdu sehem fil-laqgħat tas-Summit tal-Euro.

Il-President tas-Summit tal-Euro

Il-mexxejja taż-żona tal-euro jeleġġu l-President tas-Summit tal-Euro b'maġġoranza sempliċi, fl-istess żmien li l-Kunsill Ewropew jeleġġi l-President tiegħu. Il-mandat tal-President tas-Summit tal-Euro hu ta' sentejn u nofs.

Hi r-responsabbiltà tal-President li jsejjaħ, jippresiedi u jidderieġi l-laqgħat tas-Summit tal-Euro. Jiddiskuti wkoll mal-President tal-Kummissjoni u mal-President tal-Grupp tal-Euro kwistjonijiet marbuta maż-żona tal-euro.

Il-President tas-Summit tal-Euro jindirizza lill-Parlament Ewropew wara kull laqgħa tas-Summit tal-Euro. Barra minn hekk jinforma lill-istati membri kollha li mhumiex fiż-żona tal-euro dwar it-tħejjija u dwar l-eżitu tal-laqgħat tas-Summit tal-Euro.

L-istorja tas-Summit tal-Euro

Il-mexxejja taż-żona tal-euro ltaqgħu fil-format tas-Summit tal-Euro għall-ewwel darba fit-12 ta' Ottubru 2008 f'Pariġi, fejn qablu dwar azzjoni miftiehma b'rispons għall-kriżi ekonomika. Aktar summits f'dan il-format saru f'Mejju 2010, Marzu 2011, Lulju 2011 u Ottubru 2011 fi Brussell. Fl-2012, il-kwistjonijiet b’rabta maż-żona tal-euro ġew ittrattati prinċipalment fil-Kunsill Ewropew.

Fil-marġini tal-laqgħa tal-Kunsill Ewropew tal-1 u t-2 ta' Marzu 2012, 25 mexxej Ewropew iffirmaw it-Trattat dwar l-Istabbiltà, il-Koordinazzjoni u l-Governanza fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja (TSKG). Fost affarijiet oħra, it-trattat, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2013, ifformalizza s-Summit tal-Euro.

L-organizzazzjoni tas-Summit tal-Euro u r-rwol tal-President tiegħu huma stabbiliti fl-artikolu 12 tiegħu.

L-ewwel Summit tal-Euro wara d-dħul fis-seħħ tat-TSKG sar fl-14 ta' Marzu 2013.

Dokumenti adottati mill-kapijiet ta' stat jew ta' gvern taż-żona tal-euro 2010-2013

Dokumenti adottati mill-mexxejja taż-żona tal-euro fil-perjodu 2010-2013 huma disponibbli permezz tal-link: