Aħna nużaw il-cookies biex niżguraw li nagħtuk l-aħjar esperjenza ta' browsing fis-sit elettroniku tagħna. Sir af aktar dwar kif nużaw il-cookies u kif tista' tbiddel il-konfigurazzjoni tiegħek.

Ex-President tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy

Kunsill Ewropew

Herman Van Rompuy kien l-ewwel President full-time tal-Kunsill Ewropew. Huwa ġie elett għall-ewwel darba f'Novembru 2009, u wara ġie elett mill-ġdid għat-tieni mandat minn Ġunju 2012 sa Novembru 2014. Huwa kien sostitwit minn Donald Tusk fl-1 ta' Diċembru 2014. 

Riflessjonijiet personali dwar ir-rwol tal-President tal-Kunsill Ewropew

Waqt il-konferenza 'Dove va l'Europa - The State of the Union', Herman Van Rompuy ikkondivida r-riflessjonijiet tiegħu dwar iż-żmien li għamel fil-kariga ta' President tal-Kunsill Ewropew:

"Għalija, il-kariga kienet xi ħaġa ġdida daqs kemm kienet għal kulħadd. Ġejt elett fid-19 ta' Novembru 2009. Kont ħejjejt dikjarazzjoni għall-istampa li fiha tajt idea. Għadha ta' min jikkwotaha.

Dak iż-żmien għidt, "'Kull pajjiż għandu joħroġ rebbieħ min-negozjati. (..) Bħala President tal-Kunsill, ser nisma' b'attenzjoni lil kullħadd u ser niżgura li d-deliberazzjonijiet tagħna jissarrfu f'riżultati għal kulħadd.''

Għidt ukoll li ''Kien hemm ħafna diskussjonijiet dwar il-profil tal-president futur iżda profil wieħed biss huwa possibbli u huwa wieħed ta' djalogu, ta' unità u ta' azzjoni.''

Fil-fehma tiegħi, il-bini tal-fiduċja x'aktarx huwa l-aktar biċċa xogħol importanti ta' President tal-Kunsill Ewropew. 

Herman Van Rompuy

Il-bini tal-fiduċja fost il-mexxejja, fost l-istituzzjonijiet, fost il-pajjiżi: huwa l-bażi għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi.

Speċjalment meta d-deċiżjonijiet huma diffiċli u meta jridu jittieħdu b'kunsens, kif normalment huwa l-każ fil-Kunsill Ewropew. 

Kif tinbena l-fiduċja? Billi wieħed jiltaqa' man-nies, billi jismagħhom, billi jqis il-fehmiet tagħhom.

Pereżempju, għamilt żgur li tul il-mandat tiegħi nżur il-membri kollha tal-Kunsill Ewropew fil-belt kapitali tagħhom, bħala prinċipju darba fis-sena. Meta titkellem mal-presidenti u l-prim ministri fl-ambjent tax-xogħol tagħhom tieħu idea ħafna aħjar ta' dak li verament jiggwidahom.

(...) Dawn l-isforzi kollha biex tinbena l-fiduċja ħallew il-frott f'mumenti ta' bżonn, f'mumenti ta' kriżi."

Dawn ir-riflessjonijiet ittieħdu mid-diskors li ġej:

Fid-diskors tal-aħħar tiegħu lill-membri tal-Kunsill Ewropew, Herman Van Rompuy qal ukoll:

Flimkien urejna l-implawżibbli: li Unjoni bi tmienja u għoxrin pajjiż tista' taħdem.

Herman Van Rompuy

"(...) Ippruvajt naġixxi f'isem l-interess Ewropew, li mhuwiex xi ħaġa astratta. Huwa iktar mit-total ta' 28 interess nazzjonali, iżda huwa wkoll dan it-total. 

Kull darba jkollna naqblu, ma' 28. Mhux dejjem 'f'darba waħda', u xi drabi bi ftit ġbid u mbuttar." 

Herman Van Rompuy fuq:

Dwar Herman Van Rompuy 

Kien il-Prim Ministru tal-Belġju meta ġie elett l-ewwel bħala President. Ex-ekonomista fil-Bank Nazzjonali tal-Belġju, huwa beda l-karriera politika tiegħu fl-1973 bħala Viċi President nazzjonali tal-kunsill taż-żgħażagħ tal-partit tiegħu. 

Herman Van Rompuy għandu baċellerat fil-Filosofija u master's fl-ekonomija applikata mill-Università ta' Leuven (KU Leuven).