Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew

Attwalità

Segwi lil Donald Tusk fuq:

Rapport lill-Parlament Ewropew, 18 ta' Jannar 2017

Il-President Donald Tusk irrapporta lill-Parlament Ewropew dwar ir-riżultati prinċipali tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru. Fil-bidu huwa feraħ lil Antonio Tajani għall-elezzjoni tiegħu bħala President tal-Parlament Ewropew u esprima fiduċja li flimkien mal-membri kollha tal-kamra kienu ser jaħdmu biex iwieġbu għall-isfidi tal-2017.

"Is-sena li għaddiet irnexxielna nagħmlu progress fil-migrazzjoni, fis-sigurtà u fl-ekonomija minkejja d-diffikultajiet mingħajr preċedent li kellna quddiemna," huwa qal.

Dwar il-migrazzjoni, il-Kunsill Ewropew ta ħarsa lejn l-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni UE-Turkija u evalwa l-progress dwar il-ftehimiet iffirmati mal-pajjiżi Afrikani magħżula.

"Is-sena li għaddiet, mija u tmenin elf migrant waslu l-Italja irregolarment. Din hija sitwazzjoni li ma tistax tkompli għaddejja," qal Tusk. "Huwa għalhekk li l-Libja u l-approċċ tagħna għar-rotta tal-Mediterran Ċentrali ser ikun il-punt ewlieni tas-summit informali li jmiss f'Malta," żied jgħid.

Dwar l-Ukrajna, il-Kunsill Ewropew adotta deċiżjoni li torbot legalment mill-mexxejja biex tiffaċilita r-ratifika tal-Ftehim ta’ Assoċjazzjoni fin-Netherlands. Billi r-Russja għadha ma implimentatx il-ftehimiet ta’ Minsk, il-Kanċilliera Merkel u l-President Hollande irrakkomandaw li s-sanzjonijiet għandhom jiġu estiżi. Issa dawn qegħdin fis-seħħ għal sitt xhur oħra.

Il-Kunsill Ewropew indirizza wkoll kwistjonijiet ta’ sigurtà, inkluż it-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO. “Il-pajjiżi Ewropej għandhom jagħmlu aktar fid-dawl ta’ theddid immedjat għas-sigurtà taċ-ċittadini tagħna, u l-istess jgħodd għall-Unjoni Ewropea,” qal Tusk.

Il-mexxejja ddiskutew ukoll diversi inizjattivi biex l-ekonomija Ewropea tibda taħdem għal kulħadd. “L-istatistika tjiebet, iżda l-iktar ħaġa importanti hija li ċ-ċittadini komuni u n-negozji jħossuhom fiduċjużi dwar il-ġejjieni”, huwa qal. “Huwa għalhekk li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi ser jiġi estiż, l-istrumenti ta’ difiża kummerċjali tagħna ser jiġu modernizzati, u l-Garanzija għaż-Żgħażagħ ser titkompla”.

Fl-aħħar nett, il-President Tusk aġġorna lill-Parlament Ewropew dwar il-laqgħa informali tas-27 mexxej li saret fil-marġni tal-Kunsill Ewropew. "Qbilna dwar l-arranġamenti proċedurali u erġajna kkonfermajna l-prinċipji tagħna, jiġifieri l-indiviżibbiltà tal-erba' libertajiet, il-bilanċ tad-drittijiet u l-obbligi u r-regola tagħna li ma jsiru ‘ebda negozjati mingħajr notifika’," qal Tusk.

Fit-tmiem, huwa laqa’ wkoll id-diskors dwar il-Brexit mill-Prim Ministru May fis-17 ta’ Jannar. "Huwa prova li l-pożizzjoni magħquda ta' 27 Stat Membru dwar l-indiviżibbiltà tas-suq uniku fl-aħħar inftiehem u ġie aċċettat minn Londra," huwa stqarr. "Innutajna l-kliem pożittiv u meqjus tal-Prim Ministru May dwar l-integrazzjoni Ewropea, li kien ħafna eqreb lejn in-narrattiva ta' Winston Churchill milli tal-President elett Amerikan Trump," huwa żied.

Żjara f’Malta, 11 ta’ Jannar 2017

Donald Tusk, President tal-Kunsill Ewropew, mar Malta biex jattendi għaċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-presidenza Maltija tal-Kunsill tal-UE. Din hija l-ewwel darba li Malta għandha l-presidenza.

Fid-diskors li għamel waqt iċ-ċerimonja, il-President Tusk enfasizza li l-presidenza Maltija qed isseħħ f'mument straordinarju, mimli sfidi ġodda u taqlib drammatiku. “F’dawn is-sitt xhur, ser niċċelebraw f'Ruma s-sittin anniversarju tat-Trattat, u l-proċedura tal-Brexit ser titnieda formalment. Ir-rebbiegħa wkoll ser tkun prova impenjattiva għall-UE kollha fir-rigward tal-migrazzjoni, speċjalment fuq ir-Rotta tal-Mediterran Ċentrali," huwa qal.

Tusk enfasizza li sekwenza ta' avvenimenti bħal din teħtieġ tmexxija kompetenti, b’esperjenza u sensittiva. Huwa rrefera wkoll għall-wirt kulturali Malti u l-istorja tal-pajjiż.

“Aħna xxurtjati li dan ir-rwol diffiċli miss lil Malta. Ftit għajrhom jifhmu aħjar lit-Taljani, li ser jospitaw iċ-ċelebrazzjonijiet ta' Ruma, u ftit għajrhom jifhmu aħjar lill-Brittaniċi, li ser nibdew id-divorzju minn magħhom," huwa qal. “Fl-aħħar nett, ftit għajrhom jifhmu aħjar l-essenza tat-traġedja tal-migrazzjoni fil-Mediterran,” żied jgħid.

Qabel iċ-ċerimonja, Donald Tusk iltaqa’ bilateralment ma’ Joseph Muscat, Prim Ministru ta' Malta.

Malta ser ikollha l-presidenza tal-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2017 u ser tkun segwita mill-Estonja.

Sa mill-1 ta' Diċembru 2014, Donald Tusk huwa l-kap tal-Kunsill Ewropew - l-istituzzjoni li tistabbilixxi d-direzzjoni u l-prijoritajiet politiċi tal-UE. Huwa responsabbli biex iħejji u jippresiedi l-laqgħat tal-istituzzjoni. Jiżgura wkoll ir-rappreżentanza esterna tal-politika estera u ta' sigurtà komuni tal-UE fil-livell tiegħu.

Il-kontenut jidher bil-lingwa oriġinali jekk it-traduzzjoni ma tkunx disponibbli