Konsultazzjonijiet qabel is-summit ta’ Bratislava

F’Awwissu u Settembru 2016 il-President Tusk ikkonsulta lill-mexxejja kollha tal-UE qabel il-laqgħa ta’ Bratislava.

“M’għandi l-ebda dubju li t-tliet sfidi ewlenin huma l-migrazzjoni irregolari mhux ikkontrollata, it-terroriżmu, u l-biża’ mill-globalizzazzjoni,” qal il-President Tusk qabel il-laqgħa tiegħu mal-Prim Ministru Żvediż Stefan Löfven fi Stokkolma. "L-ambizzjoni tiegħi hi li fi Bratislava nkunu nistgħu naqblu dwar il-prijoritajiet ewlenin u x’jeħtiġilna nagħmlu dwarhom fil-ftit xhur li ġejjin."

Fl-ittra ta’ stedina tiegħu ta’ qabel il-laqgħa, il-President Tusk saħaq li s-summit ta’ Bratislava għandu jipprovdi wkoll pjan direzzjonali għal sforzi importanti oħra, bħall-iżvilupp ekonomiku u soċjali, ix-xogħol u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ, is-suq uniku, l-aġenda diġitali u l-investimenti.

“Iċ-ċwievet għal bilanċ tajjeb bejn il-prijoritajiet tal-istati membri u dawk tal-Unjoni jinsabu fil-bliet kapitali nazzjonali,” kiteb Tusk. Huwa żied li, “L-istituzzjonijiet għandhom jappoġġaw il-prijoritajiet kif maqbula bejn l-istati membri, u mhux jimponu l-prijoritajiet tagħhom.”

Fit-8 ta' Settembru, il-President Tusk mar ukoll Londra biex jiskambja fehmiet mal-Prim Ministru Ingliż Theresa May.

“Għidt lill-Prim Ministru May li ninsab konvint li huwa fl-aħjar interess ta’ kulħadd li nibdew in-negozjati f'qasir żmien, biex innaqqsu u eventwalment intemmu l-inċertezza,” stqarr wara l-laqgħa.