Ir-rwol tal-President

Kunsill Ewropew

Il-President attwali tal-Kunsill Ewropew huwa Donald Tusk. Huwa ħa post Herman Van Rompuy fl-1 ta' Diċembru 2014.

Ir-rwol tal-President huwa stabbilit fl-artikolu 15 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). B'mod partikolari, il-President tal-Kunsill Ewropew huwa responsabbli biex:

  • jippresiedi l-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u jmexxi 'l quddiem il-ħidma tiegħu
  • jiżgura t-tħejjija tal-laqgħat tal-Kunsill Ewropew u l-kontinwità tal-ħidma tagħhom, f'kooperazzjoni mal-President tal-Kummissjoni, u abbażi tal-ħidma tal-konfigurazzjoni tal-Kunsill Affarijiet Ġenerali
  • jgħin sabiex jiffaċilita l-koeżjoni u l-kunsens fi ħdan il-Kunsill Ewropew
  • jippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew wara kull laqgħa tal-Kunsill Ewropew

Il-President tal-Kunsill Ewropew jiżgura wkoll ir-rappreżentazzjoni esterna tal-UE fil-livell ta' kapijiet ta' stat jew ta' gvern:

  • fi kwistjonijiet marbuta mal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni tal-UE (PESK), flimkien mar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà li jgħin fit-twettiq tal-PESK u jiżgura l-unità, il-konsistenza u l-effettività tagħha
  • f'summits internazzjonali, normalment flimkien mal-President tal-Kummissjoni Ewropea

L-istorja tal-funzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew

Il-pożizzjoni ta' President tal-Kunsill Ewropew saret rwol permanenti u full-time wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona fl-2009.

Qabel, il-Kunsill Ewropew kien korp informali u l-kariga ta' kap tal-Kunsill Ewropew kienet pożizzjoni mhux uffiċjali. Ir-rwol kien jittieħed mill-kap ta' stat jew ta' gvern tal-istat membru li jkollu l-Presidenza b’rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE.

Ħatra

Il-President tal-Kunsill Ewropew jiġi elett mill-Kunsill Ewropew permezz ta' maġġoranza kkwalifikata.

Jiġi elett għal mandat ta' sentejn u nofs, li jista' jiġġedded darba. Skont il-prattika stabbilita, il-presidenza b’rotazzjoni hija responsabbli mill-koordinazzjoni tal-proċess elettorali. Waqt il-Kunsill Ewropew li jiddiskuti l-elezzjoni tal-President, huwa l-Prim Ministru li jirrappreżenta l-presidenza li jippresiedi din il-parti tal-laqgħa.

Il-President ma jistax ikollu kariga nazzjonali fl-istess ħin ma’ dik ta’ President.

Persunal

Il-Kunsill Ewropew u l-President tiegħu huma megħjuna mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill tal-UE (SĠK).

Il-President għandu wkoll l-uffiċċju privat tiegħu, il-Kabinett tal-President. Il-persunal u l-uffiċċju tiegħu jinsabu fil-bini Europa tal-Kunsill fi Brussell, il-Belġju.

Summits internazzjonali

Il-President tal-Kunsill Ewropew jirrappreżenta lill-UE fi 3 tipi ta' summits internazzjonali:

  1. Summits bilaterali
    Dawn huma organizzati bejn l-UE u s-sħab strateġiċi tagħha. Summits bħal dawn isiru fuq bażi regolari, normalment darba f'sena, ma' pajjiżi bħall-Ġappun, l-Istati Uniti, ir-Russja, l-Afrika t'Isfel, il-Brażil u ċ-Ċina. Il-post għas-summits jalterna bejn Brussell u l-pajjiż ikkonċernat.
  2. Summits multilaterali fil-livell internazzjonali
    L-UE hija membru jew mistiedna li tipparteċipa bħala attur internazzjonali prinċipali, bħall-G7, il-G8, il-G20 u l-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti (AĠNU).
  3. Summits multilaterali fil-livell tal-UE
    Dawn is-summits jinkludu s-Sħubija tal-Lvant, l-UE-Afrika, l-UE-ASEM u l-UE-CELAC. Tradizzjonalment, meta kien imiss li l-UE tospita summits bħal dawn, huma ġew ospitati mill-istat membru li jkollu l-presidenza b'rotazzjoni tal-Kunsill tal-UE. Mill-2014, huma qed jiġu ospitati wkoll mill-Kunsill tal-UE fi Brussell. Il-parteċipanti f'dawn is-summits huma l-kapijiet ta' stat jew ta' gvern mill-istati membri kollha tal-UE, flimkien mal-President tal-Kunsill Ewropew, il-President tal-Kummissjoni Ewropea u l-kapijiet ta' stat jew ta' gvern rilevanti mill-pajjiżi parteċipanti.