Ir-rwol tal-Kunsill Ewropew fin-nomini u l-ħatriet

Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew għandu rwol importanti f'ċerti proċeduri ta' ħatra għal rwoli bi profil għoli fil-livell tal-UE. B'mod partikolari, huwa għandu r-responsabbiltà li:

  • jeleġġi l-President tal-Kunsill Ewropew
  • jipproponi l-President tal-Kummissjoni Ewropea
  • jaħtar ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà
  • jaħtar uffiċjalment il-korp kollu tal-Kummissarji
  • jaħtar il-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), inkluż il-president tal-BĊE

President tal-Kunsill Ewropew

Il-President attwali tal-Kunsill Ewropew hu Donald Tusk. Huwa ħa l-kariga tiegħu fl-1 ta' Diċembru 2014, meta ħa post Herman Van Rompuy. 

Elezzjoni tal-President tal-Kunsill Ewropew

Il-Kunsill Ewropew jeleġġi l-president tiegħu stess. Dan jeħtieġ maġġoranza kwalifikata. Il-president jibqa' fil-kariga għal terminu ta' sentejn u nofs, li jiġġedded darba. 

Proposta għal President tal-Kummissjoni Ewropea

Wara l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill Ewropew għandu jipproponi kandidat għall-kariga ta' President tal-Kummissjoni Ewropea. Meta jiddeċiedi dwar il-kandidat tiegħu, il-Kunsill Ewropew jieħu inkonsiderazzjoni r-riżultat tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-Parlament Ewropew irid japprova l-kandidat propost b'maġġoranza tal-membri tiegħu (minimu ta' 376 MEPs). F'każ li l-kandidat tal-Kunsill Ewropew ma jiksibx l-approvazzjoni tal-maġġoranza fil-vot tal-Parlament, il-Kunsill Ewropew ikollu jipproponi kandidat ġdid. Dan ikun irid isir fi żmien xahar mill-vot ta' sfiduċja li jkun sar fil-Parlament.

Imbagħad, il-Parlament Ewropew juża l-istess proċedura - maġġoranza ta' voti tal-MEPs kollha - biex jiġi approvat il-kandidat ġdid propost.

Din il-proċedura hi stabbilita fl-Artikolu 17 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE).

Ħatra tar-rappreżentant għoli

Il-Kunsill Ewropew hu responsabbli biex jaħtar ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà. Id-deċiżjoni dwar il-kandidat propost teħtieġ maġġoranza kwalifikata.

Il-Kunsill Ewropew jista' wkoll jiddeċiedi li jtemm il-mandat ta' ħames snin tar-rappreżentant għoli, għal darba oħra b'maġġoranza kwalifikata.  

Din il-proċedura hi stabbilita fl-Artikolu 18 tat-TUE.

Ħatra tal-Kummissjoni Ewropea

Il-Kunsill Ewropew jaħtar uffiċjalment il-Kummissjoni Ewropea kollha. Il-Parlament jivvota dwar il-korp tal-Kummissarji - il-President tal-Kummissjoni, ir-rappreżentant għoli u l-Kummissarji l-oħrajn - billi juża l-metodu ta' kunsens (il-maġġoranza tal-voti li ntefgħu).

Ladarba l-Parlament ikun ta l-kunsens tiegħu, il-Kunsill Ewropew jaħtar uffiċjalment il-Kummissjoni Ewropea. Id-deċiżjoni tal-Kunsill Ewropew teħtieġ maġġoranza kwalifikata.

Din il-proċedura hi stabbilita fl-Artikolu 17 tat-TUE.

Ħatriet għall-Bank Ċentrali Ewropew

Il-Kunsill Ewropew jaħtar is-sitt membri kollha tal-Bord Eżekuttiv tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE), li jinkludi l-President u l-Viċi President tal-BĊE, kif ukoll erba' membri oħra.

Il-Kunsill Ewropew jieħu d-deċiżjoni tiegħu abbażi ta' rakkomandazzjoni tal-Kunsill. Hu jikkonsulta wkoll lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill Governattiv tal-BĊE (magħmul mis-sitt membri tal-Bord Eżekuttiv, kif ukoll il-gvernaturi tal-banek ċentrali tat-18-il pajjiż taż-żona tal-euro). Il-Kunsill Ewropew imbagħad jieħu d-deċiżjoni tiegħu permezz ta' vot b'maġġoranza kwalifikata.

Din il-proċedura hi stabbilita fl-Artikolu 283 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE).